‘Irrid noħloq kultura ta’ ‘Isma aktar mużika’’ - Colin Attard

L-Opra Il Barbiere di Siviglia fl-Aurora tagħlaq il-Festival Gaulitana f'Marzu

25 sena ilu, il-maestro Colin Attard mir-Rabat Għawdex wettaq ħolma. Eżatt fl-1990 ħoloq il-kor Gaulitanus li sal-lum għadu l-uniku kor f’Għawdex li m’għandux irbit ma’ xi knisja inkella xi teatru partikolari. U din il-ħolma mwettqa baqgħet tikber u minn 10 snin ’l hawn, beda jorganizza festival ta’ mużika klassika li kien itawwal madwar 7 xhur. Kien iħoss li Għawdex kien hemm vojt għall-kultura mużikali. Ma riedx li Għawdex jibqa’ mużikalment marbut biss mal-banda tar-raħal u maż-żewġ opri li jittellgħu f’Ottubru.

Għalhekk, 10 snin ilu bl-istess kor u b’tim ta’ żgħażagħ miegħu, ħoloq festival madwar Għawdex kollu li kien jġebbed madwar seba’ xhur sħaħ, b’kunċerti fi knejjes u kunsilli lokali madwar din il-gżira msemmija għall-kultura mużikali. “Iżda xorta nħoss li l-maġġoranza tal-pubbliku li jsegwi dawn il-kunċerti qed ikunu barranin li jgħixu Għawdex u kien għalhekk u għadni naħdem biex noħloq kultura ta’ ‘isma aktar mużika’,” spjega Colin Attard metla ltqajna f’kafetterija fir-Rabat, fejn lil Colin malajr tilmħu mix-xagħar kbir li għandu, (illum griża aktar minn sewda) li jagħmlu uniku fil-gżira Għawdxija.

Il-fatt li f’Għawdex indrat li f’Ottubru jsiru żewġ opri f’temp ta’ ġimagħtejn miż-żewġ teatri tar-Rabat, l-Astra u l-Aurora, ma kienx biżżejjed, u Colin iddeċieda wkoll li fir-rebbiegħa jtella’ opra sħiħa, għax l-opra fir-rebbiegħa tiġbed ukoll mhux biss dawk li jħobbu l-opra iżda anke lil dawk li jkunu jixtiequ jiskopruha. Beda fl-2014 fejn ittellgħet it-Tosca, is-sena li għaddiet ir-Rigoletto, u din is-sena se tittella il-Barbiere de Siviglia.

Flimkien mad-deputat chairman tal-festival Marvic Bajada, ibnu Jean Noel Attard bħala maniġer tal-festival u s-segretarja Annabelle Zammit, dis-sena ddeċidew ukoll li għal din is-sena, l-avvenimenti jkunu aktar konċentrati u jsiru kollha f’erba’ ġimgħat bejn Ħadd il-Għid filgħaxija bil-produzzjoni semi-staged ta’ My Fair Lady f’Palazzo Palina fil-Hotel Ta’ Ċenċ fit-8pm, f’għeluq is-60 anniversarju mill-ewwel rappreżentazzjoni fi Broadway. Biex jagħlaq il-festival, il-produzzjoni tal-opra komika ta’ Rossini, Il Barbiere di Siviglia nhar it-23 t’April fit-Teatru Aurora.

Bejniethom ikun hemm sensiela ta’ kunċerti u recitals minn artisti minn madwar id-dinja li jinkludu virtwożi solisti u fi gruppi fuq strumenti varji tal-orkestra, pjanu u anki fuq l-orgni.

“Barra hekk aħna nippruvaw li ma noħonqu l-ebda avveniment li jkun qed jorganizza ħaddieħor u għalhekk ħadna ħsieb li nibdew minn Ħadd-il Għid u l-avvenimenti tagħna li jkunu kuljum u madwar Għawdex kollu jsiru fi żmien meta mhux suppost ikun hawn organizzati avvenimenti oħra.”

Matul dawn l-erba’ ġimgħat aspett importanti hu l-programm edukattiv li jinċentiva l-kultura permezz ta’ attivitajiet fl-iskejjel. Il-festival jinkludi wkoll esperjenza unika għal studenti tal-vuċi hekk kif din is-sena se jiġu organizzati masterclasses tal-vuċi, ma’ ħadd ħlief is-sopran ta’ fama mondjali Miriam Gauci. Dawn se jsiru bejn it-28 u t-30 ta’ Marzu u jkunu segwiti minn kunċert għall-pubbliku nhar il-btala pubblika tal-31 ta’ Marzu, f’Għawdex.

B’artisti ġejjin mill-Ewropa kontinentali kif ukoll mill-Istati Uniti u l-Eġittu, Gaulitana għandu jkun tiżwiqa tal-isbaħ element mużikali fid-dinja tal-lum. Dan il-festival żgur li jfisser ħafna finanzi u kull avveniment hu bla ħlas (minbarra l-Opra finali). “Għandna sapport kbir mill-Arts Council Malta. Kieku ma jkunx hekk, żgur li ma jistax jittella’,” spjegali Colin. Għalkemm il-membri tal-kor huma kollha volontarji, l-artisti li jinġiebu minn barra u anke dawk Maltin jitħallsu.

Colin iqis il-mużika, “bħala kultura li tagħti l-kuluri lil ħajja. Għalhekk wieħed irid japprezza l-kuluri u jkun parteċipi fil-kuluri tal-ħajja. Xogħli mhux li ntella’ l-mużiċisti biss, iżda li niżviluppaw u ninfluwenzaw firxa ta’ kultura. Irridu lill-Għawdxi li jisma’ ftit iżjed. Xogħolna mhux li noħolqu l-mużiċisti biss, iżda li noħolqu nies li jitgħallmu u jsiru jħobbu l-mużika. Il-mira tagħna hi li nkattru l-udjenzi lokali u mhux udjenzi barranin biss.

“Hu għalhekk li qed nagħmlu bħal Mawmettu, u jekk il-muntanja ma tiġix għandna, immorru aħna ħdejn il-muntanja, u aħna għalhekk qed immorru fl-iskejjel neħdulhom il-mużika, biex inħajruhom idoqqu xi strument u jisimgħu l-mużika.”

Min hu Colin Attard?

Colin twieled u għex fil-belt kapitali Għawdxija 54 sena ilu, miżżewweġ lil Marie Louise u missier Jean Noel ta’ 25 sena u Pierre Louis ta’ 22 sena. Jean Noel ħa l-baċċelerat fil-mużika fl-Iskozja, u ħuh iż-żgħir qed jimxi wara l-passi tiegħu fejn bħalissa qed jistudja l-Iskozja biex anke hu jġib il-baċċelerat fil-mużika. 

Għalkemm tela f’ambjent mużikali, minħabba li zijuh kien il-Prof. Joseph Vella li laqqgħu mal-mużika, hu ggradwa fl-accountancy, iżda għażel it-triq tal-mużika iktar tard. Fil-fatt, meta ntalab imur jaħdem fl-iskola tal-mużika f’Għawdex, telaq dak li kien studja għalih, u ħaddan dak li tant iħobb…il-mużika. Huwa wkoll dilettant kbir tal-futbol, ukoll fejn mhux biss kien jilgħab mal-Victoria Hotspurs, iżda kien captain u rebaħ diversi unuri magħhom. Iqis ruħu bħala Juventin kbir, li ngħid għalija ma tantx niżlitli tajjeb din l-affermazzjoni!

Colin hu s-surmast tal-Banda Leone u kien dejjem parti mill-Opri li ttellgħu fl-Aurora fejn anke kkonduċa l-orkestra Nazzjonali f’Għawdex fl-opri u anke f’diversi kunċerti. Ħoloq ukoll il-kunċert li sar popolari mmens ‘Leone Goes Pop’. Attard hu wkoll kompożitur, maestro di cappella tal-Katidral ta’ Għawdex u ta’ diversi knejjes oħra Għawdxin.

Opera+ Weekend

Il-Festival jilħaq il-qofol tiegħu bl-Opra. Għalhekk il-Gaulitanus iddeċieda li mhux biss joffri l-Opra lid-dilettanti, li hi opra ‘full scale’, iżda hemm weekend sħiħ imdawwar mal-opra.

Ġurnata qabel fit-22 ta’ April, hemm recital tal-pjanu minn Michael Laus fil-Ministeru ta’ Għawdex. Fil-ġurnata tal-opra hemm ukoll Wine & Music session b’żewġ Ungeriżi bil-vjolini fil-kumpless kummerċjali Vini & Capricci. Il Barbiere di Siviglia se tiċċelebra l-biċentinajru mill-premiere tal-opra. Għal darb’oħra, Colin Attard se jidderiġi lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali u l-kor Gaulitanus f’kollaborazzjoni ma’ Enrico Castiglione (fir-regia u xeni) u Sonia Cammarata fil-kostumi. Il-biljetti għal din il-produzzjoni fit-Teatru tal-Opra Aurora nhar it-23 t’April, jinsabu diġà għall-bejgħ minn fuq is-sit www.teatruaurora.com jew ċemplu 79045779. Qabel l-istess opra se jkun hemm ‘opera talk’ mill-espert tal-Opri Michael Storace. L-għada jkun hemm lunchtime concert mit-Tortorelli-Meluso Duo u final vokali minn Miriam Cauchi u ensemble strumentali.

More in G?awdex