Chris Said: Miljuni se jiġu mormija fil-Qortin

Il-Gvern jgħid li lanqas ċenteżmu wieħed mhu se jintilef mill-fondi Ewropej filwaqt li Il-PN kien alloka 12.5% tal-Qortin għal pannelli

Ftit tal-jiem ilu l-Ministru Leo Brincat fi tweġiba Parlamentari għal mistoqsija ta’ Chris Said qal li dak li kellu jiġi park għall-familja kif kien ippjanat mill-amministrazzjoni Nazzjonalista issa ngħata lill-kumpanija EneMalta biex tagħmel il-pannelli fotovoltajiċi. Skont it-tweġiba tal-Ministru Brincat sal-lum hemm 22,881 siġra u arbuxell f' dan is-sit u f’ dawn l-aħħar tliet snin intużaw ukoll 7.5 miljun litru ilma biex dawn jissaqqew u nbena ġibjun kbir li jesa' 4,000 metru kubu. “Issa dan kollu ser jgħosfor u l-flus jkunu nħlew ladarba l-post ser jinbidel l-użu tiegħu biex jitpoġġew il-pannelli. Ovvju li fejn ikun hemm il-pannelli ma jistax ikun hemm siġar għaliex dawn joħolqu d-dell. Min ħa dawn id-deċiżjonijiet? Min ser jirrispondi għal dan il-ħela ta' flus?” staqsa Chris Said.

L-istess mistoqsijiet l-ILLUM għamilnihom lil min hu konċernat f’din il-kwistjoni min-naħa tal-gvern, fejn kelliem għall-gvern qalilna li Chris Said qed jgħaġġel f’din il-kritika tiegħu, qalilna wkoll li l-gvern mhu qed jagħmel xejn differenti wisq milli kien qed jipproponi l-gvern preċedenti.

Il-kelliem qalilna li wara li r-riabilitazzjoni tal-miżbla fil-Qortin tlestiet biss f’Awwissu tal-2015, “din l-amministrazzjoni issa qed tgħaddi għall-fażi ta’ studji dettaljati u konsultazzjoni mal-istakeholders konċernati biex timxi fuq l-aħjar proġett għal Għawdex. Wieħed irid japprezza li miżbla riabilitata tibqa’ terħi gassijiet għal perjodu li jista’ jaqbeż l-10 snin u għalhekk huwa ovvju li jrid jgħaddi ċertu żmien biex ma jkunx hemm perikli għal min juża l-post. Biss, it-titlu tal-post m’għandux ifixkel dan il-proġett. Kienet l-amministrazzjoni preċedenti li lura fl-2007 ipproponiet żvilupp ta’ park ta’ rikreazzjoni fil-Qortin li jkun jinkludi 2,400 module ta’ pannelli fotovoltajiċi u turbini tar-riħ. Dan huwa kkonfermat f’paragrafu 6 tal-istqarrija uffiċjali li kienet ħarġet dakinhar li tħabbret il-proposta tal-Gvern ta’ dak iż-żmien http://www.doi-archived.gov.mt/EN/press_releases/2007/10/pr1545.asp.

Intant, tajjeb jitfakkar li bl-għeluq tal-miżbla tal-Qortin f’Awwissu 2015 u bl-inawgurazzjoni tat-transfer station f’Tal-Kus f’Diċembru 2015, għall-ewwel darba fl-istorja tiegħu, Għawdex se jiġbor l-iskart, mhux iktar fil-miftuħ bil-konsegwenzi negattivi li jġib miegħu, imma fil-magħluq u f’ambjent ikkontrollat.”

Din l-istorja u l-bidla tal-proġett minn park tal-familja għal sit ta’ pannelli solari ħarġet fil-beraħ fl-1 ta’ Frar wara l-mistoqsija Parlamentari ta’ Said “L-ewwelnett mhux aċċettabbli li l-Gvern jarmi proġett ta' Park għall-Familja f' Għawdex u jagħti l-art fejn kien ser isir  lill-kumpanija privata bil-ħabi u bla ma jgħid dan fil-pubbliku.  Infatti kellha tkun mistoqsija parlamentri tiegħi biex inkixef dan kollu.”

“It-tieni mhux aċċettabbli li sit li għal ħafna snin kien ġerħa ambjentali kbira speċjalment għan-nies tax-Xagħra u Marsalforn u li kellu jinbidel f' Park biex jitgawda mill-familji Għawdxin b'deċiżjoni ta' xi ħadd minn fuq jingħata lill-privat għal skopijiet kummerċjali.  Dan is-sit għandu jingħata għall-użu tal-familji Għawdxin kif kien ippjanat.

“It-tielet mhux aċċettabbli wkoll li l-ispejjeż enormi li saru biex dan is-sit jiġi konvertit f'parti tal-familji jiġu mormija.  X' ser jiġri mill-investiment li sar sal-lum fit-taħwil ta' eluf ta' siġar, bini ta' ġibjun, permessi għall-park u ħafna iżjed?  Xi ħadd irid jerfa' r-responsabilità ta' dan kollu.”

Skont Chris Said għall-proġett ta’ park tal-familja fil-Qortin Malta rċeviet €2.72 miljun mill-fondi Ewropej. Dan apparti li l-gvern ħareġ magħhom madwar €480,000 għal total ta’ €3.2 miljuni.

Minkejja li l-proġett fih innifsu hu pożittiv, il-fatt li l-Ministru għall-Ambjent  u l-Iżvilupp Sostenibbli ħabbar din il-bidla fi tweġiba parlamentari fl-1 ta’ Frar seta’ ta x’wieħed jifhem li Malta se titlef miljuni f’fondi mogħtijin mill-Unjoni Ewropea. Iżda l-kelliem għall-gvern qalilna li dan mhux il-każ għax il-fondi ngħataw biex tingħalaq il-miżbla fejn skont tweġiba oħra parlamentari mill-Ministru Leo Brincat sar ħafna xogħol fil-biċċa l-kbira xogħol ta’ “re-contouring” u “capping” skont kif stipulat fid-direttivi relatati tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk saret ħidma biex ikunu installati sistemi ta’ irrigazzjoni li primarjament kienu meħtiega biex ikunu kontrollati l-emissjonijiet li joħorġu mill-miżbla. Inbena wkoll ġibjun biex jilqa’ l-ilma fih li jinżel fuq is-sit u dan jintuża fis-sistema tal-irrigazzjoni, inbnew bjar tal-gass u ġiet installata wkoll sistema tat-trattament tal-gass.

“Barra hekk” skont il-kelliem tal-gvern “il-fatt li sa ma jieqfu l-gassijiet u jsir il-proġett maħsub ikunu għaddew aktar minn ħames snin, mhux il-każ li jintilfu l-fondi.”

Meta tlabnieh jgħidilna x’se jsir mis-siġar li hemm imħawlin, qalilna li dawn saru biex jgħattu l-kruha fid-dehra li kien hemm meta l-Qortin kien miżbla, “dawn jibqgħu hemm flimkien mal-pannelli.” 

Minn stħarriġ li għamel ILLUM instab li fl-aħħar baġit li sar mill-Gvern Nazzjonalista u li kien għadda taħt amministrazzjoni laburista kienet ġiet allokata 6,000 metru kwadru minn total ta’ 50,000 metru kwadru (li hi d-daqs tal-miżbla) għal panelli fotovoltajċi li tfisser 12.5% tal-għolja tal-Qortin kollu. Iffaċċjat b’dan it-tagħrif Chris Said qalilna li l-gvern preċedenti kien alloka biċċa żgħira li ma kinitx se ttellef mill-Park innifsu u mhux kif qed jalloka l-gvern preżenti li skont il-Ministru Leo Brincat se jieħu parti sostanzjali tal-Qortin għal pannelli.

Fl-2007 kienet saret laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar il-Park tal-familja u anke ħarġu l-permessi tal-MEPA li kienu ġew applikati għalihom minn Eco Gozo fit-13 ta’ Mejju, 2010. Minkejja l-bidliet żvelati fil-parlament wara mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, lura f’Lulju tas-sena l-oħra ċ-ċerman tal-Wasteserv David Borg kien qal hekk, “il-miżbla dilapidata tal-Qortin issa hija kompletament trasformata u riġinerata.”

Sadattant dwar dan il-kelliem għal Gvern qalilna li l-gvern preċedenti kien tkellem dwar il-park tal-familja iżda ma kien hemm l-ebda permessi maħruġa biex isir park tal-familja u l-ebda pjanta uffiċjali.

Tkellimna wkoll mal-Ministeru għal Għawdex, li qalulna li il-proġett qatt ma kien fid-diskrezzjoni tagħhom. Dan anke jekk kienu preżenti għal konferenza stampa li ngħatat mill-Wasteserv seba’ xhur ilu, fejn attendew bħala mistednin kif inhi l-prassi.

 

More in G?awdex