Il-poster artistiku tal-Karnival Għawdxi

Il-Leverist: wiċċ nofsu sinjur u nofsu fqir

Il-Karnival fil-Gżejjer Maltin normalment ma tantx jiġi meqjus jew imqabbel mal-arti, anke jekk il-karrijiet u l-kostumi huma arti fihom infushom. Dan għax ħafna drabi l-karnival hu abbinat max-xalar bla rażan għal tliet ijiem sħaħ. F’Għawdex barra l-karnival ferm imfittex tan-Nadur hemm il-Karnival konvenzjonali li hu organizzat mis-sezzjoni tal-Kultura tal-Ministeru t’Għawdex.

Kull sena jsir poster speċjali, poster artistiku li jagħti lil karnival aspett artistiku. Din is-sena, il-poster uffiċjali tal-Karnival t'Għawdex ġie fdat f'idejn l-artist abbli Xewki Paul Falzon. F'dan l-inkwatru Falzon ħareġ is-seħer u l-awtentiċità tal-Karnival Għawdxi. Din il-pittura, hi mnebbħa mill-karattru ferrieħi tal-għannej Għawdxi Fredu Spiteri l-Leverist (1930–1965), f’għeluq il-ħamsin sena mill-mewt traġika tiegħu.

Hi tradizzjoni antika f’Għawdex li għannejja u mużiċisti jiltaqgħu fil-ħwienet tal-inbid biex jallegraw lin-nies preżenti b’daqq ta’ strumenti folkloristiċi. Il-personaġġ prinċipali, impitter bħala bniedem nofsu fqir u nofsu sinjur, jidher akkumpanjat minn tfajla grazzjuża li tirrappreżenta l-għexieren ta’ żeffiena li janimaw l-pjazez ta’ Għawdex f’dawn il-ġranet festivi.

Jidhru wkoll maskarat u tifel b’wiċċu miżbugħ - it-tnejn mitlufa f’dinja ta’ fantażija ħielsa minn kull ħsieb. Fuq sfond ta’ qawsalla dinamika u kkulurita tidher ukoll il-faċċata tal-Banca Giuratale, simbolu tal-identità Għawdxija.

Min hu Paul Falzon?

Paul Falzon iggradwa fl-Istorja ta' l-Arti fl-Universita ta' Malta fl-2005. Intensifika wkoll l-istudji artistiċi tiegħu fl-Istitut ta' l-Arti Lorenzo de Medici f’ Firenze fl-2008. Falzon spikka l-aktar fl-arti tax-Xenografija, fejn huwa pitter ix-Xenarju ta' mhux inqas minn sitt opri, fosthom La Boheme, Aida, Carmen, Tosca, Turandot u Falstaff, produzzjonijiet li lkoll ittellgħu fit-Teatru ta' l-Opra Aurora, Ghawdex. Falzon ħa sehem f'diversi wirjiet kollettivi tal-arti, l-aktar importanti dik tal-'Biennale Sagra' (2013), organizzata mill-fondazzjoni JP2, fiċ-Ċentru tal-Arti u l-Kultura fiċ-Ċittadella. F'din l-esebizzjoni Falzon esebixxa xogħol mill-iktar interessanti bl-isem "Dialogus cum Creatore", xogħol li nbiegħ Padova. Paul ipproduċa wkoll ktejjeb tat-tpinġija għall-istudenti fil-livell primarju b'kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali tax-Xewkija, ktejjeb immirat fuq tagħrif ġenerali dwar l-istess lokal. Il-ħidma artistika ta' Falzon ġiet rikonoxxuta u apprezzata mill-kommunita tiegħu u ngħata l-unur ta' "Ġieħ ix-Xewkija" fl-2011.

More in G?awdex