Is-suċċess tal-Gozo Channel hu riżultat tal-fiduċja ġdida li ddaħħlet f’Għawdex - Ministru Refalo

Stqarrija mill-Ministeru għal Għawdex tgħid li saret qisha prassi li l-Kap tal-Oppożizzjoni jwaħħal kull aħbar negattiva f’dan il-Gvern iżda mbagħad jipprova jieħu mertu ta’ kull pass pożittiv li jitwettaq


Wara r-riżultat ta' suċċess li għamlet il-Gozo Channel s-sena li għaddiet, u wara li l-partit nazzjonalista permezz tal-kelliem għal Għawdex, Chris Said ħareġ stqarrija li dan is-suċċess kien dovut lejn il-Partit Nazzjonalista li fl-amministrazzjoni Nazzjonalista investa fil-Gozo Channel, il-Ministru għal Għawdex, Anton refalo ħareġ din l-istqarrija:

Ir-riżultati finanzjarji li rreġistrat il-Gozo Channel fl-2015 huma xhieda tal-bidla pożittiva li wettqet din l-amministrazzjoni f’nofs leġiżlatura. Il-fatti juru li minn telf ta’ €1.6 miljun fl-2012, l-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti, illum din il-kumpanija għamlet profitt ta’ €1,014,025.
L-istqarrija tal-Oppożizzjoni li dan is-suċċess huwa grazzi għaliha hija dikjarazzjoni li ma titwemmen minn ħadd. Saret qisha prassi li l-Kap tal-Oppożizzjoni jwaħħal kull aħbar negattiva f’dan il-Gvern iżda mbagħad jipprova jieħu mertu ta’ kull pass pożittiv li jitwettaq. Każ klassiku kien meta Dr Busuttil iddikjara li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma raħsu grazzi għalih.

Ir-realtà hija li kienu l-inizjattivi meħuda mill-Ministeru għal Għawdex li wasslu biex il-Gozo Channel tagħmel turnaround minn sitwazzjoni ta’ telf għal waħda ta’ profitt. Fosthom skemi ta’ vjaġġar bi prezz imraħħas, għal Maltin u barranin, li ġġeneraw numri rekord ta’ passiġġiera u li għenu biex l-ekonomija Għawdxija tkun b’saħħitha anke fi staġuni mhux daqstant popolari.
Il-Gozo Channel, fil-fatt, żiedet ukoll b’mod sostanzjali l-vjaġġi fl-iskeda tax-xitwa biex tagħmilha aktar faċli għall-Għawdxin u għat-turisti Maltin u barranin li jkunu jridu jżuru lil Għawdex. Il-Ministeru għall-Għawdex huwa kommess li jkompli jaħdem biex itejjeb il-pożizzjoni ta’ Għawdex fis-suq bħala destinazzjoni li toffri esperjenza unika matul is-sena kollha.

L-impenn tal-Gvern favur Għawdex huwa kkonfermat miċ-ċifri tal-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika li juru kif it-tkabbir ekonomiku fl-2014 żdied minn 1.8% fl-2012 għal 8.1% fl-2014, iġifieri b’erba darbiet iktar meta mqabbel mal-aħħar sena tal-amministrazzjoni preċedenti. Dan huwa riżultat tal-fiduċja ġdida li ddaħħlet f’Għawdex u li wasslet biex kumpaniji ġodda jinvestu f’din il-gżira bħalma se tkun qed tagħmel skola medika ta’ reputazzjoni internazzjonali.

Kif il-Gvern saħħaħ korporazzjonijiet pubbliċi oħrajn f’nofs leġiżlatura, l-istess qed jagħmel bil-Gozo Channel. Filwaqt li l-familji u n-negozji jistgħu jiġġudikaw huma l-istqarrija tal-Oppożizzjoni, il-Gvern se jibqa’ jaħdem biex Għawdex jimxi ’l quddiem fost oħrajn bit-tisħiħ tal-aċċessbbiltà.
Il-Ministeru għal Għawdex jirringrazzja liċ-Chairman u  lill-ħaddiema kollha tal-Gozo Channel tal-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.

More in G?awdex