The Travellers: Iżewqu l-mużika mal-ġmiel tal-lingwa Maltija

“L-isem jirrifletti ħafna l-ħajja tagħna għax bħal kull Għawdxi ieħor, irridu naqsmu l-fliegu u nivvjaġġaw lejn Malta kważi kull ġimgħa”

Andrew Vella, Clayton Bonello, Sylvano Mizzi, Chris Gatt, Joseph Xerri u Michael Camilleri huma sitt żgħażagħ Għawdxin li jiffurmaw il-grupp mużikali, The Travellers. Dawn is-sitt żgħażagħ idoqqu ħafna stili ta’ mużika differenti, iżda dawk oriġinali tagħhom huma kontemporanji u kummerċjali. Però, bla dubju li l-ewwel ‘single’ li ħarġu hi waħda mill-aktar partikolari, fejn donnhom taw nifs ġdid lill-mużika Maltija. Irnexxielhom iżewqu l-ħoss tal-mużika jazz imħallta bil-brass mal-lingwa sabiħa Maltija u ħarġu ħoss vera sabiħ li ntlaqat sew ma’ min semagħha.

Tliet membri minn din il-band kienu jiffurmaw parti minn band oħra, li huma Chris il-kantant, Joseph tat-trumbetta u Clayton li jdoqq il-bass. Għall-bidu tal-2013, iddeċidew li jieħdu l-mużika aktar bis-serjetà u għal din ir-raġuni, bdew jaħdmu fuq proġett ġdid. B’dan ir-riżultat, Andrew fuq il-kitarra, Sylvano fuq is-Saxophone) u finalment Michael bid-drums, ingħaqdu ma’ din il-band ġdida. “Mill-ewwel ġurnata, il-mira tagħna kienet li nikkomponu diski oriġinali però bil-lingwa Maltija, li hija xi ħaġa ġdida minn dak li nisimgħu fuq l-istazzjonijiet tar-radju lokali.”

L-isem ta’ The Travellers, “jirrifletti ħafna l-ħajja tagħna. Bħalma kulħadd jaf, aħna ġejjin mil-gżira Għawdxija u bħal kull Għawdxi ieħor, irridu naqsmu l-fliegu u nivvjaġġaw lejn Malta kważi kull ġimgħa jew minħabba xogħol, skola u ħolm ieħor li rridu nwettqu f’ħajjitna. Għalhekk dan l-isem jagħmel ħafna sens għalina.”

Tlabthom jgħiduli dwar għal min hi indirizzata l-mużika tagħhom u kif jaħsbuha fuq il-Eurovision. “Il-Eurovision hu importanti ħafna għall-mużiċisti u kantanti Maltin. Aktar milli għax il-pubbliku Malti jkun jistennih bil-ħeġġa, nemmen li hu wieħed mill-aktar passi importanti li kantant jew grupp jista’ jagħmel fix-xena internazzjonali. Qed ngħidu hekk, għaliex minħabba ċ-ċokon tal-gżira tagħna, wieħed isibha diffiċli ħafna li jkun espost ’il barra minn xtutna, għalhekk din hija waħda mill-ftit okkazzjonijiet li jista’ jkollok. Ninsabu ċerti, li jkun hemm mużika tajba u kantanti bravi b'talent li jieħdu sehem f'din il-kompetizzjoni.”

Is-sodisfazzjon tagħhom qalulna li hu meta l-esperiment u l-elementi ġodda li qed jippruvaw idaħħlu fix-xena mużikali lokali tintlaqa’ tajjeb. Sadanittant, xtaqt inkun naf kemm irendi l-bejgħ tal-mużika fil-gżira Maltija. “Il-ħolma ta’ kull artist,  kantant jew grupp mużikali, bla dubju ta’ xejn hi, li wara daqstant sagrifiċċji, xogħol u determinazzjoni, isib pubbliku jew aħjar segwaċi tal-mużika li verament japprezzaw u jappoġġjawk matul il-karriera tiegħek. Sfortunatament nemmnu li f’Malta, ftit huma dawk li jiddependu mill-bejgħ tas-CDs tagħhom.”

The Travellers għandhom ħolma li jdoqqu bħala grupp barra minn Malta, “individwalment iva, però bħala grupp għadu qatt ma kellna x-xorti nagħmlu dan. Jalla fil-futur qarib ikollna l-opportunità li nwettqu din il-ħolma.”

Min huma?

Chris Gatt, il-kantant ta’ 27 sena mir-Rabat, li jaħdem ma’ Aġenzija tal-UE

 “L-imħabba lejn il-mużika bdiet minn età ferm żgħira, meta kelli xi seba’ snin. Oriġinarjament, bdejt l-istudju tiegħi fl-iskola tal-mużika ġewwa Għawdex, fejn hemmhekk tħarriġt dwar it-teorija u aktar tard tgħallimt il-pjanu fl-istess skola. Ta’ għaxar snin, il-ħajra għall-mużika kompliet tikber u tgħallimt indoqq il-klarinett, u għamilt servizz twil indoqq mal-baned residenti Għawdxin. Meta għalaqt 15-il sena u għaddejt mill-eżamijiet tal-Matrikola, missieri wettaqli waħda mill-akbar xewqiet li kelli, dik li jkolli drum kit, fejn stajt nutilizzah sabiex inqatta’ l-ħin liberu tiegħi fuqu. Dan wassal biex inkompli niftaħ orizzonti mużikali ġodda, fosthom l-opportunità li nissieħeb f'band Għawdxija. Minn hawn nibet l-interess li nibda nistudja b’mod professjonali dwar il-vuċi. Infatti kien biss f’dawn l-aħħar snin li bdejt nikkunsidra serjament li niffoka aktar fuq il-vuċi u għaldaqstant, il-karriera mużikali tiegħi ħadet xejra oħra, iffukata aktar dwar il-kant, aktar milli fuq l-istrumenti. Illum il-ġurnata nemmen, li dak kollu li tgħallimt u studjajt fuqu matul is-snin kien essenzjali u permezz tad-determinazzjoni u d-dedikazzjoni li dejjem kelli fija nnifsi, wassluni għall-bniedem li jien illum.”


Kemm hu faċli taħdem bħala grupp?

“Li taħdem fi grupp hu sabiħ, speċjalment meta l-grupp għandu għan wiehed, fil-każ tagħna huwa l-mużika. Madankollu, il-fatt li l-band tagħna hija komposta minn sitt membri, ġieli jkun hemm ideat differenti u għalhekk jista jagħti l-każ, li nieħdu ftit aktar ħin sabiex insibu kompromess fuq is-sitwazzjoni li tkun konċernata.”


Taħseb li l-lingwa Maltija fid-diski hi mfittxija?

“Naħseb li wasal il-mument li l-lingwa Maltija terġa’ tieħu spinta fil-qasam mużikali lokali, u għaliex le, forsi ankè fuq livell internazzjonali. Illum il-ġurnata naħseb li l-ġenerazzjoni żagħżugħa, tara l-lingwa Maltija bħala xi ħaġa antika f’ambitu ta’ xena mużikali, jew aħjar jirrelatawa aktar ma’ diski tipikament tradizzjonali. Mill-banda l-oħra, aħna 'The Travellers', nemmnu li l-lingwa Maltija tista’ tinstema cool u għandha potenzjal anke f’kuntest ta’ mużika kontemporanja. B’hekk nemmnu li diski b’lirika Maltija jistgħu jkunu relevanti ankè fiż-żmien tal-lum. Żgur li dan il-pass mhux se jkun faċli għall-band tagħna, ankè minħabba l-fatt li mhux se tkun faċli li tiġi aċċetata mill-ġenerazzjonijiet kollha. Wieħed jawgura li dan l-esperiment pjuttost ġdid jintlaqa’ tajjeb mis-segwaċi tal-qasam mużikali.”

Personalita Għawdxija ikona tiegħek? 

“Domenic Grech tat-‘Tramps’.”

Joseph Xerri  fuq it-trumbetta, għandu 26 sena mix-Xagħra u jaħdem bħala Senior Graphic Designer

“Ilni fil-mużika minn meta kelli ħdax-il sena. Bdejt mal-banda tar-raħal peress li missieri jdoqq ukoll, u ħadni l-kazin tal-banda nitgħallem. Wara ftit snin ħallejt il-banda u bdejt nistudja privat biex inkompli navvanza fuq l-istrument.

 

Kemm hu faċli taħdem bħala grupp?

“Xejn mhu faċli! L-importanti li jkun hemm rispett u onestà. Mhux ħa ngħid li qatt ma jkollna argumenti, anzi! Imma dejjem naslu għal konkluzjoni li ser tmexxina ’l quddiem bħala band. Il-membri tal-band saru t-tieni familja tiegħi. Nqatta’ aktar ħin magħhom milli ma’ tad-dar!”

 

Taħseb li l-lingwa Maltija fid-diski hi mfittxija?

“Jien naħseb li iva, imma nemmen li hemm bżonn jingħata aktar sapport lil talenti li jipproduċu biċċa arti bil-lingwa Maltija. Li tagħmel xi ħaġa bil-lingwa tiegħek hija xi ħaġa sabiħa ħafna u fl-istess ħin, qed tipromwovi lil pajjiżek.”

 

Personalità Għawdxija ikona tiegħek? 

“Missieri għax kien hu li mexxieni ’l quddiem fil-mużika.”

Clayton Bonello (bass) 25 sena mix-Xagħra u jaħdem fir-restawr

“Ilni għaxar snin li qbadt il-bass għall-ewwel darba f’idi. Bdejt indoqq, bis-saħħa ta’ tnejn minn sħabi li kont nattendi l-iskola magħhom fis-Sekondarja li ħajruni nibda ndoqq (li illum m’għadnix indoqq magħhom) biex niffurmaw band.

Kemm hu faċli taħdem bħala grupp?

“Mhijiex daqshekk faċli. Qegħdin sitta min-nies, kulħadd bil-fehmiet tiegħu. L-importanti li tkun onest, u tagħti l-kontribut tiegħek. Fejn ma naqblux, insibu kompromess jew naraw x’inhu l-aħjar għall-band.”

Taħseb li l-lingwa Maltija fid-diski hi mfittxija?

“Iva, però mhux daqs kemm hi mfittxija l-lingwa Ingliża, speċjalment miż-żgħażagħ. L-għan ta’ dan l-esperiment kien li nuru kunċett ieħor ta’ diski bil-Malti biex noħolqu sitwazzjoni fejn, fil-qasam mużikali, il-lingwa Maltija tiġi mfittxija aktar kif ukoll tiġi apprezata ferm aktar.”

Personalità Għawdxija ikona tiegħek?

“Il-ġenituri tiegħi tas-sapport u l-paċenzja li dejjem ħadu bija.”

Andrew Vella, fuq il-kitarra u backing vocals, għandu 24 sena minn Kerċem u hu għalliem tal-Fiżika

“Ilni involut fil-mużika minn meta kont żgħir ħafna. L-ewwel esperjenza fil-qasam tal-mużika bdiet mal-banda tar-raħal. Meta kelli madwar tlettax-il sena, bdejt nitgħallem il-kitarra u minn hemm bdejt ninvolvi ruħi f’bands differenti. Bdejt nitgħallem kif tikteb id-diski u dejjem ipprovajt insir aħjar, l-aktar f’dan l-aspett mużikali. “

 

Kemm hu faċli taħdem bħala grupp?

“Hija pjuttost diffiċli, iżda hi waħda mill-isbaħ aspetti ta’ ħajti. Hija esperjenza li jien personalment nitgħallem ħafna minnha. Qisna familja li jiġġieldu u jkollha ħafna argumenti, għax kulħadd irid li dan il-proġett jirnexxi. Fl-aħħar mill-aħħar, aħna grupp ta’ ħbieb li ndoqqu flimkien, u għalkemm ikollna ħafna opinjonijiet differenti minn ta’ xulxin,  dejjem ngħażlu l-aħjar għall-ġid tal-band.”

 

Taħseb li l-lingwa Maltija fid-diski hi mfittxija?

“Hija mfittxija żgur! Hawn festivals bil-Malti u hawn diversi bands li qed jgħażlu li jesprimu ruħhom bil-Malti. Li qed nippruvaw nagħmlu aħna huwa li nikkomponu diski relevanti għall-2016, iżda bil-Malti.”

 

Personalità Għawdxija ikona tiegħek?

“Dominic Grech.”

 

Michael Camilleri fuq id-drums, 20 sena min-Nadur u jistudja l-Università

“Bdejt nitgħallem il-mużika mill-età ta’ ħames snin. Niftakar kont mort fuq is-surmast tal-banda tan-Nadur li għadu hemm sal-lum, Mro. Joseph Grech u kont għidtlu minn jeddi, “Nixtieq nitgħallem id-drums!” Il-mużika hija fid-demm. Ġej minn familja mużikali, u għalhekk kienet għażla naturali għalija.”

 

Kemm hu faċli taħdem bħala grupp?

“Importanti li fi grupp kulħadd jesprimi l-opinjoni tiegħu, niddiskutu flimkien u kulħadd jaħdem fuq xogħlu. Xi kultant ikun hemm xi mumenti fejn ma naqblux u tkun ħa sseħħ it-Tielet Gwerra Dinjija, però kollox jintesa’ f’tebqa t’għajn. Il-grupp sar it-tieni familja tiegħi, għalhekk insibha faċli ħafna naħdem mal-bqija tal-membri li qegħdin wara kollox naħdmu għall-istess għan...il-mużika!”

 

Taħseb li l-lingwa Maltija fid-diski hi mfittxija?

“Naħseb reġa’ hawn għatx għall-mużika b’lirika Maltija. L-istil tagħna huwa ferm differenti mid-diski li ħerġin riċenti bil-lingwa Maltija. Immorru lil hinn minnhom u wara kull lirika hemm ħsieb. Naħseb wasal iż-żmien li l-lingwa Maltija terġa’ tqum fuq saqajha fix-xena mużikali lokali.”

 

Personalità Għawdxija ikona tiegħek?

“Missieri. Li kieku ma kienx hu għalija, ma wasaltx fejn wasalt illum.”

 

Sylvano Mizzi fuq is-Sax u l-keyboards, 18-il sena mill-Għasri u jistudja l-mediċina fl-Università

 “Bdejt nistudja l-pjanu minn meta kelli seba’ snin. Meta għalaqt tnax-il sena, tħajjart biex nibda nitgħallem is-saxophone peress li prattikament il-ħin kollu, kont nisma’ dan l-istrument partikolari li il-ħoss tiegħu kien jaffaxxinani ħafna. L-ewwel bdejt mal-banda, iżda imbagħad bdejt nieħu l-istrument iktar bis-serjetà speċjalment meta ndunajt kemm jintuża għal ħafna stili differenti ta’ mużika.”

 

Kemm hu faċli taħdem bħala grupp?

“Li taħdem fi grupp mhuwiex dejjem faċli peress li mhux kulħadd għandu l-istess opinjonijiet. Però, peress li aħna ilna naħdmu u ndoqqu flimkien, iktar faċli li niftehmu fuq ċertu deċiżżjonijiet għax fl-aħħar mill-aħħar, kollha nixtiequ l-ġid tal-band.”

 

Taħseb li l-lingwa Maltija fid-diski hi mfittxija?

“Il-lingwa Maltija fix-xena mużikali għandha bżonn tiġi iktar magħrufa għaliex ilu ma jkun hawn diski b’lirika Maltija li jaqblu mal-istil ta’ żmienna.”

 

Personalità Għawdxija ikona tiegħek?

“Ommi kienet dejjem ta’ għajnuna kontinwa u ta’ sapport f’dak kollu li nagħmel. Mingħajrha żgur li ma kontx inkun fejn qiegħed bħalissa.”

 

More in G?awdex