Għawdex: Jinbidel f’villaġġ wieħed tal-Milied

  • “L-iskop tal-kumitat hu li min iżur Għawdex jista’ jidħol fl-ispirtu tal-Milied u jagħmel ix-shopping tal-Milied f’Għawdex”

Maria Farrugia u Catherine Cauchi huma l-ixprun ta' 'Milied f'Għawdex'
Maria Farrugia u Catherine Cauchi huma l-ixprun ta' 'Milied f'Għawdex'

Disa’ xhur ilu, kumitat ta’ 9 persuni rappreżentattiv mill-irħula u komunitajiet Għawdxin, beda jiltaqa’ darba fil-ġimgħa biex Għawdex jinbidel f’villaġġ sħiħ tal-Milied f’Diċembru. Dawn il-laqgħat kollha kienu koordinati minn żewġ nisa li qattgħu disa’ xhur jaħsbu biss fil-Milied u qalu li ħadu biss waqfa qasira f’Awwissu. Dawn huma iċ-Chairperson tal-Milied f’Għawdex, Maria Farrugia minn Marsalforn u s-segretarja tal-kumitat Catherine Cauchi mix-Xewkija. L-ILLUM iltaqa’ magħhom u kellimhom dwar għaliex il-Malti għandu jagħżel Għawdex bħala d-destinazzjoni Natalizja tiegħu.

Qalulna li din is-sena saru xi żidiet minn dak li kien ikun hemm fis-sentejn li għaddew minn meta bdiet din l-iskema ta’ ‘Milied f’Għawdex.’

Ideat ġodda għal dan il-Milied

Is-Sibt 19 ta’ Diċembru se ssir parata b’tema tal-Milied fi Triq ir-Repubblika fejn 150 tifel u tifla lebsin kostumi tal-Milied se jiżfnu matul it-triq prinċipali segwiti b’karru tal-Milied. Il-parata se tibda minn ħdejn il-kumpless Arkadia u se tibqa’ tielgħa sal-pjazza tat-Tokk fis-7.30 ta’ fil-għaxija f’ambjent kollu mixgħul. Fil-fatt it-triq se tkun imżejna b’36 siġra tal-Milied kollha mixgħulin. B’hekk, fil-pjazza prinċipali Għawdxija se jkun hemm siġra kbira ta’ 20 pied li se tinxtegħel fil-5 ta’ Diċembru, li jiġi l-Ħadd li ġej. Fl-istess ġurnata se tinxtegħel it-triq sħiħa mill-port tal-Imġarr sar-Rabat. Interessanti wkoll is-siġra li tinxtegħel fil-pjazza f’Ta’ Sannat li hi l-akbar siġra f’Għawdex u għolja daqs il-Knisja. Dwar dak kollu li se jkun qed jiġi organizzat f’Għawdex, ġie ppublikat brochure mimli ritratti u informazzjoni li barra li se jitqassam f’kull dar f’Għawdex, se jitqassam ukoll f’Malta.

Dawn l-attivitajiet huma ftit mill-ħafna li se jiġu organizzati madwar il-villaġġi Għawdxin, bħal ‘Milied fix-Xagħra’, villaġġ agrikolu fil-Gozitano li barra affarijiet tipiċi tal-ikel Għawdxi jkun hemm animazzjoni u bejn it-12 u 13 ta’ Diċembru se jerġa’ jkun hemm ‘Dinja tat-Tfal’ fil-Gozo Sports Complex li se jinġabru flus għal Puttinu Cares, u din tmiem il-ġimgħa se tkun dedikata lil Leah, it-tifla Għawdxija li rebħet qalb kulħadd bil-ġlieda tagħha kontra l-kanċer li tilfitha ta’ sitt snin. Hawnhekk se jingħataw xi rigali għal min jattendi u se jinbiegħ il-ktieb ta’ Leah li jiswa €10 li jmorru għal Puttinu.

Meta tlabnihom jgħidulna kemm ħaditilhom ħin din il-preparazzjoni kollha, qalulna li dan kollu ħa ħafna u ħafna ħin. “Konna nippruvaw nieqfu nhar ta’ Ħadd u nħallu din il-ġurnata għalina u għal familji tagħna. Iżda jkollna nammettu li sibna appoġġ kontinwu mill-Ministeru u għaqdiet oħra fejn dan emmen fina biex inkattru dak li bdejna s-sena ta’ qabel.

Fil-fatt dan kien inbeda mill-avukat Joe Mifsud li issa kellu jċedi l-armi minħabba li ngħata l-inkarigu ta’ Maġistrat. Dwar dan, Maria qaltilna, “Joe Mifsud firex tapit u aħna bnejna fuqu. Il-fatt li aħna konna parti mill-grupp is-sena li għaddiet għenitna biex ikun hemm kontinwità.”

Mistoqsijin x’inhu l-iskop kollu għal Milied f’Għawdex, Maria qaltilna, “L-iskop tal-kumitat hu li min iżur Għawdex jista’ jidħol fl-ispirtu tal-Milied u fl-istess ħin jgħin lill-komunità kummerċjali biex jagħmlu x-shopping tal-Milied f’Għawdex. Għalhekk, se jkun hemm animazzjoni sħiħa fi triq ir-Repubblika għax-shopping.”

Il-MUSEUM jiddomina l-Milied fin-Nadur

Il-membri tal-Mużew tan-Nadur jibdlu l-mużew f'villaġġ tal-Milied
Il-membri tal-Mużew tan-Nadur jibdlu l-mużew f'villaġġ tal-Milied

In-Nadur minn dejjem kien raħal progressiv fejn jidħlu ċelebrazzjonijiet ta’ kull tip. U ma setax jonqos li anke fil-Milied ikun minn ta’ quddiem. Iżda hawn jidher li l-Mużew tas-subien jiddominaw il-festi natalizji bi musical mill-isbaħ ‘Ċelestinu bejn ħaltejn’ li jittella’ kuljum bejn id-19 u s-26 ta’ Diċembru fis-7.30 ta’ filgħaxija. Iżda fattur interessanti fil-Museum hu li dan jinbidel għal villaġġ sħiħ b’armar tal-epoka. Lejliet il-Milied, il-membri tal-MUSEUM  itellgħu programm mużikali li jkun ferm interessanti bil-purċissjoni bil-bambin u l-prietka tradizzjonali tal-Milied. Dan barra l-presepju ħaj bejn id-19 ta’ Diċembru u t-3 ta’ Jannar u l-wirja ta’ presepji li ssir fil-Kunsill tan-Nadur.

Il-presepju ħaj tan-Nadur
Il-presepju ħaj tan-Nadur

Bethlehem f’Għajnsielem

L-attrazzjoni l-ġdida ta' Bethlehem f'Għajnsielem
L-attrazzjoni l-ġdida ta' Bethlehem f'Għajnsielem

Bethlehem f’Għajnsielem jibqa’ l-attrazzjoni prinċipali f’Għawdex fejn fis-snin li għaddew żaruha madwar 100,000 fis-sena. Għalhekk, Franco Ciangura li kien il-bniedem li bidel Ta’ Passi, f’Betlem kull sena jara li jagħmel xi ħaġa ġdida biex ikompli jiġbed il-viżitaturi lejn dan il-villaġġ tant imfittex minn dawk li jżuru Għawdex bejn is-6 ta’ Diċembru u t-3 ta’ Jannar. Il-Milied li għaddha żżanżnet id-dgħajsa li tirrapreżenta qasma fuq ix-xmara Ġordan. Din id-darba sar pont tal-injam u ħbula li jwasslek sa din id-dgħajsa. Attrazzjoni li żgur se tkompli tiġbed tfal u kbar lejn din l-attrazzjoni unika f’Malta u Għawdex. Din is-sena hu mistenni li se jżurha anke s-sindku ta’ Betlem flimkien ma’ delegazzjoni minn Betlehem.

Bethlehem f'Għajnsielem bil-pont tal-injam u ħbula
Bethlehem f'Għajnsielem bil-pont tal-injam u ħbula

Min irid ikun jaf eżatt x’se jkun hemm madwar Għawdex għal żmien il-Milied jista’ jżur is-sit elettroniku christmasingozo.com.mt 

More in G?awdex