Refalo jrid referendum

Irid li l-vot Għawdxi ikollu “aktar saħħa”  u jħabbar li mistenni jitwaqqfu il-biljetti b’xejn għal sindki u qraba tal-ħaddiema tal-Gozo Channel

Waqt li kien qed jipparteċipa fil-programm ‘Stat ta’ Fatt’ fuq Smash TV, il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo esprima ruħu favur referendum nazzjonali dwar il-proġett propost għal mina bejn iż-żewġ gżejjer. Aktar minn hekk Refalo, li s’issa qed ikun kawt ħafna fuq il-vijabbiltà u l-bżonn ta’ dan il-proġett, qal ukoll li f’dan ir-referendum, “il-vuċi tal-Għawdxin għandha jkollha aktar saħħa.” Meta mistoqsi direttament xi jrid ifisser b’din l-istqarrija, Refalo qal biss li l-vot tal-Għawdxi għandu jingħata aktar saħħa “għax din hija t-triq tagħna [tal-Għawdxin].”

Immedjata kienet ir-reazzjoni tal-President tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija (GBC) Michael Grech li assolutament ma qabilx mal-idea proposta minn Refalo għal referendum. “Aħna f’dan il-pajjiż qatt għamilna referendum biex issir triq? Għamilna referendum biex sar l-ajruport?” staqsa, retorikament Grech, li kompla jispjega li t-triq ’il quddiem hija li jsiru l-istudji kollha meħtieġa, imbagħad jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji, kif dejjem sar. 

Filwaqt li saħaq għal bosta drabi li qabel ma jingħata bidu għal proġett bħal dan jeħtieġ isiru l-istudji kollha, Refalo esprima qbil ukoll, għalkemm m’għamilx referenza diretta għaliha, mal-proposta tal-Partit Nazzjonalista fir-rapport ekonomiku li għadu kemm ippubblika, li tispeċifika kif mina bejn Malta u Għawdex għandha tkun parti minn sistema ta’ mini taħt l-art madwar il-pajjiż kollu.

Mistenni t-tmiem ta’ biljetti b’xejn għal sindki u qraba tal-ħaddiema

B’risposta għal li qal Grech waqt l-istess programm, Refalo  xorta sostna li mina waħedha mhix soluzzjoni biex jinħoloq ix-xogħol. “Taħt Gvernijiet Nazzjonalisti qatt ma kien attirat investiment dirett barrani, il-qasam industrijali tax-Xewkija ingħalaq biex ingħata lil erba’ min-nies u għalhekk m’hemmx post fejn jista jsir investiment,” qal Refalo li fakkar kif taħt Gvern Laburista sar investiment ta’ €1 miljun mill-kumpanija RS2, kien hemm tkabbir ta’ 4.8% fil-prodott domestiku gross (PDG) matul din is-sena, żdiedu b’100 dawk li jaħdmu mal-privat u l-qgħad naqas bi 11%.

Il-Ministru għal Għawdex  fakkar kif il-lukandiera ma jaqblux mal-proġett ta’ mina, b’referenza għall-istħarriġ tal-Gozo Tourism Association (GTA) li kien żvela l-ILLUM nhar il-Ħadd 25 ta’ Ottubru u li kien juri kif 64% ta’ dawk li joperaw lukandi u ristoranti huma kontra. Dan l-istudju kien ikkritikat mill-GBC li ġabet fid-dubju l-mod kif sar l-istess stħarriġ. Matul il-programm, Refalo qal ukoll li ż-żgħażagħ Għawdxin huma kontra proġett ta’ mina, anke jekk fil-fatt, studju li sar mill-Gozo University Group wera li hemm 74% taż-żgħażagħ li huma favuriha.   

Indikazzjoni li se jinqatgħu l-biljetti b’xejn

Intant il-Ministru Refalo indika bl-aktar mod ċar li fiż-żmien li ġej, hekk kif se jkun qed jiġi fi tmiemu l-Public Service Obligation (PSO) li sar taħt Gvern preċedenti, se jkunu qed jiġu riveduti prattiċi ta’ biljetti b’xejn lil numru ta’ passiġġieri tal-Gozo Channel.

Fil-fatt, matul l-istess programm, semma lis-Sindki, Konsli u anke l-qraba tal-ħaddiema tal-Gozo Channel li jużaw is-servizz mingħajr ħlas u sostna li, “dawn l-affarijiet kissru lill-Gozo Channel.” Refalo aċċenna dwar il-bżonn li l-kumpanija tkompli fit-triq it-tajba li qabdet kemm ilu li nbidel il-Gvern u sostna li wasal iż-żmien li din tkun immexxija b’mod purament kummerċjali.

Il-Ministru fakkar kif Gvern Laburista dawwar djun ta’ €1.6 miljun fil-Gozo Channel għal qliegħ ta’ €900,000, apparti żieda fin-numru ta’ passiġġiera u vjaġġi.

More in G?awdex