Kelmtejn ma’ Dun Mario

Li tabbuza mit-tfal mhux minħabba nuqqas ta' sess, iżda għax tkun pedofelu

“L-interess tagħna li jagħmilna differenti minn kull organiżazzjoni politika hu li ngħinu lil bniedem jikkomunika ma’ Alla permezz ta’ Ġesù”
“L-interess tagħna li jagħmilna differenti minn kull organiżazzjoni politika hu li ngħinu lil bniedem jikkomunika ma’ Alla permezz ta’ Ġesù”

Erba’ kilometri ta’ baħar mill-isbaħ jaqsam Għawdex minn Malta. Żewġ gżejjer li fuqhom tperper l-istess bandiera, bl-istess gvern jilleġiżlahom. Jitkellmu l-istess lingwa bi djalett differenti. Iżda Għawdex hu awtonomu bħala Knisja għax hu djoċesi għalih. U l-Knisja Kattolika mhix magħmula mill-pajjiżi iżda minn djoċesijiet u id-djoċesi ta Għawdex taqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-Isqof Mario Grech. Dwar dan il-fatt L-Isqof Għawdxi qalli, “Il-Knsija Kattolika hi artikolata. Djoċesi hi Knisja għaliha, awtonoma. L-isqof jirrapreżenta lil Kristu. Iżda l-Knisja hi sħiħa u taħdem f’komunjoni mal-Papa.”

Meta ktibtlu hu qalli li jħossu aktar komdu jekk nindirizzah bħala Dun Mario. Indunjat li fis-sagħtejn li qattajt nitkellem ma’ Dun Mario li hu kapaċi jitkellem fuq kollox u dwar kollox - għandu opinjoni iżda jisma’ l-opinjonijiet ta’ kulħadd u għandu kapaċità kbira li jagħraf x’għandu jgħid u kif jgħidu. Il-karattru fabbli tiegħu magħqud mal-għerf li rnexxielu jakkwista bl-esperjenza li tagħtik il-ħajja u l-istudji li għamel jgħinuh biex jifhem aktar lil kull persuna ġejja minn liema ambjent tal-ħajja ġejja. Quddiemi sibt mhux isqof iżda lil Dun Mario, li kien lest li jisma’ aktar milli jitkellem u mis-suġġett tal-vokazzjonijiet fost iż-żgħażagħ Għawdxin spiċċajna nitkellmu fuq kollox. 

Meta kellimtu dwar is-saħħa tal-Knisja f’Għawdex, li dehret fil-kwistjoni tad-divorzju fejn il-LE rebaħ fuq l-IVA bil-kontra ta’ dak li ġara f’Malta, Dun Mario qalli li ma kinitx biss mertu tal-knisja, “Il-familja f’Għawdex hi iżjed b’saħħitha u dan irrefletta fil-fatt li vvutaw kontra d-divorzju. Għalkemm hawn konsenturi fil-familji Għawdxin.”

“Iċ-ċelebat jekk ma tagħrafx il-ġmiel tiegħu jagħmlek mostru, iżda jekk tapprezzah jagħmlek instrument meħtieġ għall-ministeru”

Mistoqsi dwar iż-żgħażagħ u l-Knisja Għawdxija, Dun Mario qalli li f’Għawdex hemm differenza kbira bejn l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. “L-adoloxxenti għadhom jiffurmaw gruppi sbieħ fil-parroċċi. Iżda fil-qasam taż-żgħażagħ għandna lakuna għax iż-żgħażagħ Għawdxin qegħdin Malta mhux hawn. Jistudjaw u jaħdmu Malta. Jekk irridu futur għal Għawdex, irridu noħolqu opportunitajiet biex ma jibqax ikun hawn eżodu ta’ Għawdxin li la darba jitilqu, ma jerġgħux jiġu lura.”

“Il-Knisja f’Għawdex lanqas tista’ torganizza attivitajiet għaż-żgħażagħ għax ma nsibuhomx. Sibna problema anke għall-eżerċizzi taż-żgħażagħ, għax matul il-ġimgħa dawn ikunu Malta. Il-laqgħat għal koppji għarajjes qed nagħmluhom fi tmiem il-ġimgħa biss għax inkella ma jkun hawn ħadd.”

Dwar il-vokazzjonijiet Dun Mario qal li naqsu. Jgħidli li fi żmien li kien qed jistudja hu, kien hemm 30, illum f’Għawdex hemm 11-il seminarist filwaqt li f’Malta hemm madwar 30. “Iżda hemm raġunijiet oħra għaliex qed jonqsu. Il-fatt li l-popolazzjoni qed tiċkien minħabba r-rata ta’ twelid kif ukoll li minħabba l-proċess tas-sekulariżmu, issa saru jaħsbuha darbtejn.”

Staqsejtu jekk iċ-ċelebat igerrixx il-vokazzjonijiet u hawn Dun Mario tani tweġiba interessanti - “l-ewwel ħaġa ċ-ċelebat mhux stmerrija tas-sess. Is-sesswalità tahielna Alla u għandha l-ġmiel tagħha. Però hu minnu wkoll li ċ-ċelebat jista’ jaqta’ l-qalb ta’ dawk li jkunu jixtiequ jsiru saċerdoti.”

“Iċ-ċelebat jekk ma tagħrafx il-ġmiel tiegħu jagħmlek mostru, iżda jekk tapprezzah jagħmlek instrument meħtieġ għall-ministeru. Għax wieħed irid jifhem li jekk tkun miżżewweġ ma tistax tagħti l-ħin biżżejjed għas-servizz tal-knisja u l-poplu tagħha. Iżda rridu nammettu li f’paragun ma’ djoċesijiet oħra, anke jekk il-vokazzjonijiet naqsu, xorta għadna tajbin. Fil-fatt Turin hemm 12-il vokazzjoni. Barra minn hekk nemmen li llum l-vokazzjonijiet huma aktar awtentiċi u motivati. Il-kwalità hi aħjar u żgur li mhux għax imbuttati mill-familji iżda għax huma konvinti xi jridu.”

Meta tkellimna dwar il-pedofelija, Dun Mario ma qabilx miegħi li ċ-ċelebat jaħti li saċerdoti abbużaw minn tfal fil-passat. Qalli li dak il-fatt iweġġgħu immens u skuża ruħu f’isem il-knisja għal min bata, “iżda ma naqbilx li r-raġuni hu ċ-ċelebat. Għax li tabbuża mit-tfal mhux minħabba nuqqas ta’ sess, iżda għax tkun pedofelu. In-nuqqas tas-sess ma jħajrekx tmur mat-tfal.” Kompla jgħidli li mingħajr ma jiskuża lil dawn li ħammġu isem il-Knisja, il-pedofelija hi mostru li jeżisti f’kull qasam tal-ħajja – jeżisti wkoll ħafna fil-familji iżda l-aktar li ssemmew huma s-saċerdoti.

Għaddejna biex nitkellmu dwar il-Knisja tas-suttana fejn għidtlu li t-tneħħija tas-suttana setgħet naqset l-istima lejn is-saċerdot. Dun Mario hawn tbissem waħda u qalli, “l’abito non fa il monaco” – espressjoni li t-taljani jużaw għal “l-ilbies ma jagħmilx in-nies”. Kompla jgħidli li fi żmien l-antik dik kienet l-libsa normali tal-bniedem, fejn il-kleru baqa’ jżommha. “L-imġieba tiegħi tagħmilni saċerdot u mhux is-suttana. Aħna l-qassisin għandna xi ħaġa li tiddistingwina u la hu l-kullar u lanqas is-suttana. Iżda l-imġieba tagħna. Jekk taħseb li s-suttana kienet xi ħaġa li turi l-umiltà fis-saċerdot jista’ jkollok żball ukoll, għax is-suttana ġieli ntużat minn uħud biex jiddandnu biha u biex juru li huma jappartjenu għal klassi oħra u mhux tan-nies komuni.”

“L-adolexxenti għadhom jiffurmaw gruppi sbieħ fil-parroċċi”
“L-adolexxenti għadhom jiffurmaw gruppi sbieħ fil-parroċċi”

Dawwarna d-diskors tagħna dwar jekk il-Knisja għandhiex titkellem fuq dak li jolqotha anke jekk tidher kerha mal-politiċi. “Hu dmir u dover tagħna li nitkellmu dwar dak kollu li jolqot il-ħajja tal-bniedem. Għax aħna nemmnu f’Ġesu Kristu li sar bniedem biex iħares lill-bniedem u jiddefendi lill- bniedem u kif għidtlek qabel aħna nirrapreżentaw lil Kristu. Il-Knisja qatt ma tistax tibqa’ siekta fit-tagħlim soċjali tagħha.”

“Iżda l-missjoni tagħna mhux li nikkritikaw lill-politiċi, iżda li nerġgħu nibdew inkellmu lill-bniedem fi żmien post-Kristjan dwar Alla u dwar Ġesù. Sfortunatament hemm nies li dejjem il-knisja li lanqas biss jafuh lil Ġesu. L-interess tagħna li jagħmilna differenti minn kull organizazzjoni politika hu li ngħinu lil bniedem jikkomunika ma’ Alla permezz ta’ Ġesù.”

Dun Mario qalli li bħalissa qed jagħmel eżerċizzi għal persuni separati, divorzjati u li qegħdin fit-tieni relazzjoni. Dan kien punt interessanti, speċjalment għaliex il-Knisja tgħid li dawn ma jistgħux jitqarbnu. “Attwalment persuni f’relazzjoni mhix f’postha ma jistgħux jersqu għas-sagramenti. Jien nħalli u nirrispetta l-kuxjenza tagħhom.” 

L-Isqof Għawdxi għoġbu li jtarrafli l-ħolma tiegħu, “li jkollna knisja missjunarja f’Għawdex u mhux f’xi kontinent ieħor. Irridu noħorġu fit-toroq niltaqgħu mal-bniedem u nkellmuh dwar Ġesù Kristu. Iż-żmien tal-qanpiena għadda. Irrid nara Knisja li toħroġ barra. Il-bniedem dejjem ifittex is-sabiħ li jagħmel sens u jfittex it-tama. Aħna nistgħu noffruhulu għax dan hu l-prodott tagħna iżda rridu nużaw lingwaġġ li jinftiehem”

Dun Mario qalli li l-Papa Franġisku bidel il-mod ta’ kif il-Knisja għandha tkun qrib il-poplu, iżda qalli wkoll li dan dejjem kien il-ħsieb tal-Papa Benedittu li fi Franġisku sab il-kanal adattat biex iwassal il-messaġġ tiegħu. “Fl-aħħar sinodu li attendejt stajt nara membri tal-Knisja li jibżgħu mit-tiġdid iżda jien nemmen li m’għandniex nibżgħu mit-tiġdid għax m’għandniex iżjed x’nitilfu.”

Kelmtejn mill-aktar interessanti u żgur li jwasslu messaġġ modern għall-knisja – dak li jeħtiġilha tiġġedded.

More in G?awdex