Pumping station abbandunata fi Mġarr ix-Xini

Studenti tal-arkitettura għamlu riċerka dwar il-pumping station

Il-Pumping Station fi Mġarr ix-Xini
Il-Pumping Station fi Mġarr ix-Xini

Dan il-post b’xenarju li jaqtagħlek nifsek dan l-aħħar kien fl-aħbarijiet għax kien hemm Angelina Jolie u Brad Pitt li użaw dan l-ispettaklu naturali biex jaħdmu film. Dawn ġew, ħallew miljuni ta’ ewro, u telqu. Iżda Mġarr ix-Xini għadu hemm bl-istorja kollha li hemm warajh.

Mario Pace, William Moran, Robert Pace, Andrea Zerafa, Julian Vassallo, Samuel Bonello u James Dingli huma studenti tal-arkitettura li għamlu riċerka dwar il-pumping station ta’ Mġarr ix-Xini. Din ir-riċerka kienet possibbli wkoll grazzi għal għajnuna mill-kumpanija RA & Sons Manufacturing.  L-istudent Mario Pace spjegalna eżatt x’inhu dan il-bini.

Mill-informazzjoni miġbura jidher li fl-1880 il-Gvernatur Hely-Hutchinson kien ta istruzzjonijiet lill-inġinier Osbert Chadwick biex jagħmel spezzjoni tad-distribuzzjoni tal-ilma f’Għawdex fejn sa dak iż-żmien il-gżira kienet tiddependi minn nixxigħat naturali u ilma tax-xita għalkemm hu magħruf li sal-1886 qatt ma kien hemm evidenza ta’ nuqqas ta’ ilma.

L-inġinier Chadwick kien irrimarka li l-villaġġi ta’ viċin Mġarr ix-Xini kienu jiddependu biss mill-ilma tax-xita li kien jinġabar f’tankijiet. Kien irraporta wkoll li fil-viċinanzi ta’ Għajnsielem kien hemm diversi nixxigħat tal-ilma ġieri li kien qed imur fil-baħar tal-port tal-Imġarr. Għalhekk Chadwick kien qal li mill-esperjenza li ġabar f’Malta wara s-suċċess tal-pumping station f’Wied il-Kbir, kien jemmen li seta’ jinġabar ammont kbir ta’ ilma taħt il-wied ta’ Mġarr ix-Xini.

Barra minn hekk, Chadwick qal ukoll li l-veġetazzjoni abbundanti bħal siġar tal-ħarrub, tin u dwieli kienu juru li l-ilma kien preżenti relattivament qrib il-wiċċ tas-sodda tal-wied u li kull ilma miġbur minn hawn setgħu jieħdu vantaġġ minnu l-villaġġi ta’ Sannat, Xewkija u l-Munxar.

Mario Pace kompla jirrakkonta li fix-xitwa tal-1887, ma tantx kienet għamlet xita u b’konsegwenza ta’ dan kien hemm nuqqas kbir ta’ ilma fix-xhur tas-sajf tant li l-Gvern kellu jibgħat l-ilma bil-karrettuni lejn is-Sannat, ix-Xewkija u l-Għarb biex jisqi lill-abitanti ta’ dawn il-villaġġi. Bħala riżultat ta’ dan, f’Jannar tal-1888 l-inġinier G.C. Schinas ippropona proġett fejn l-ilmijiet min-nixxigħat ta’ Għajnsielem jiġu ppumpjati lejn il-belt Victoria, ix-Xewkija, is-Sannat, il-Munxar u l-Għarb. Din il-proposta intagħżlet fuq dik li kien qed jipproponi Chadwick għax kellha l-vantaġġ li kienet ibbażata fuq tagħrif eżistenti. Barra minn hekk, qabel tinħadem l-idea ta’ Chadwick ried isir studju fuq l-ilma li kien se jieħu ż-żmien u l-proġett kien hemm bżonnu malajr.

Sadanittant, għaxar snin wara kien innutat li l-provvista tal-ilma min-nixxigħat ta’ Għajnsielem ma kienx qed iservi b’mod suffiċjenti. Għalhekk Chadwick reġa ttanta xortih bi proposta oħra dik li jitħaffru ‘shafts’ fil-wied ta’ Mġarr ix-Xini f’livelli ta’ bejn 50 u 100 pied ’il fuq mill-mejda tal-ilma. L-aspirazzjonijiet ta’ Chadwick din id-darba ġew milqugħa u attwati. 

L-istudent Pace qal li minħabba l-fatturi ġeomorfoloġiċi dan il-proġett kien se jkun wieħed kbir speċjalment meta wieħed iqis li dak iż-żmien il-mezzi kienu limitati. Il-mini li tħaffru biex jassiguraw il-kwalità tal-ilma bdew jiġu kollegati ma’ mini jew gallarijiet oħra mal-livell fejn jinġabar l-ilma li jissejjaħ ‘water table level’. Dawn il-mini kienu jidderiġu l-ilma f’bir li minnu jiġi ppumpjat f’ġibjuni fuq livelli għola tal-gżira li setgħu jidistribwixxu l-ilma permezz tal-gravità biex jiġi kkunsmat.

Minħabba li ma kienx hemm tekonoloġija avvanzata dak iż-żmien, il-pompa riedet titħaddem b’makkinarju li jaħdem bil-faħam u għalhekk riedet tinbena infrastruttura apposta. Din kienet tikkonsisti f’sistema ta’ fetħiet skavati fin-naħa t’isfel tal-wied li kienu kollegati mal-bir li jirċievi l-ilma mill-mini u mit-triq ta’ Mġarr ix-Xini permezz ta’ diversi turġien u ‘shaft’ li minnu seta’ jitniżlu affarijiet ta’ daqs kbir minħabba l-makkinarju. Ġew imħaffra żewġ xafts oħra, wieħed kien jintuża għall-exhaust tal-magna u kienet kollegata ma’ ċumnija, filwaqt li l-ieħor kien jintuża bħala żurżieqa biex minnu jintefa’ l-faħam biex ikun maħżun.

Pace spjegalna li kien inbena pont biex jiflaħ il-pipeline li kien jieħu madwar il-wied kollu sa daħla ta’ mina li tħaffret apposta, li kienet twassal sa ġibjun fin-Nadur li kien wieħed mill-villaġġi l-aktar għoljin f’Għawdex. Kien hemm pipeline ieħor li jwassal sal-ġibjun ta’ Ċenċ.

Bejn l-1925 u l-1927 ġiet installata magna sekondarja li kienet kapaċi tippompja 600,000 gallun u din jingħad li kienet taħdem b’ġeneratur tad-diesel (anke jekk m’hemmx evidenza ċara). Il-gallariji ta’ taħt l-art ġew estiżi b’170 pied ieħor biex ikun jista jinġibed ammont akbar ta’ ilma.

Aktar minn 20 sena wara madwar l-1949, l-istallazzjoni kienet mibdula ma’ żewġ pompi li jaħdmu bid-dawl. U kien fl-istess żmien li f’Ta’ Ċenċ inbena ġibjun li kien jesa 5 miljun gallun ilma biex ilaħħaq mal-bżonn ta’ wara l-gwerra.

Madwar 10 snin wara ġiet mibnija pumping station oħra fix-Xewkija u ġiet kollegata mal-istess sistema ta’ gallariji jew mini minn fejn dik ta’ Mġarr ix-Xini kienet tiġbed l-ilma. Żewġ pumping stations urew li ma kinux ekonomikament vijabbli meta l-estrazzjoni tal-ilma setgħet issir minn dik tax-Xewkija biss.

Mario Pace temm jgħid li fl-1960 ġie propost li l-galleriji jinżlu aktar ’l isfel b’żewġ piedi u nofs ħalli l-ilma kollu li jkun għaddej minn taħt jinqabad fl-istazzjon il-ġdid. Dan irnexxielu wkoll iżid il-kurrent tal-ilma ta’ taħt l-art. F’telegramma partikolari kien hemm indikat li ż-żieda fil-konsum tal-elettriku, il-pumping station tax-Xewkija kellha bżonn tlaħħaq ma’ volum akbar ta’ ilma ppumpjat, u dan seta’ jsir b’nofs l-ispejjeż li kienu jitħallsu l-ħaddiema biex jitmexxa l-istazzjon ta’ Mġarr ix-Xini. Għalhekk is-servizz tal-aħħar żewġ inġiniera u żewġ ħaddiema oħra li kienu jmexxu l-istazzjon ta’ Mġarr ix-Xini ma kienx hemm bżonnhom aktar u b’konsegwenza ta’ dan, l-istruttura baqgħet abbandunata sal-lum.

More in G?awdex