L-Ogħla Qorti Awstraljana teħles lill-Kardinal Pell mill-akkużi ta' abbużi sesswali

Hekk wara 400 ġurnata jinżamm f’iżolament f’waħda mill-aktar faċilitajiet korrettivi mgħassa tal-Awstalja, fejn jinżammu l-priġunieri li junu wettqu l-aktar reati serji, il-Kardinal Pell inħeles

L-ogħla Qorti tal-Awstralja ħelset lill-Kardinal George Pell, l-eks Teżorier tal-Vatikan, li s-sena li għaddiet instab ħati ta’ abbuż sesswali fuq żewġt itfal meta hu kien għadu Arċisqof ta’ Melbourne, jiġifieri lura fl-1990.

Hekk wara 400 ġurnata jinżamm f’iżolament f’waħda mill-aktar faċilitajiet korrettivi mgħassa tal-Awstalja, fejn jinżammu l-priġunieri li junu wettqu l-aktar reati serji, il-Kardinal Pell inħeles.

Dan il-każ kien heżżeż mhux ftit lill-Knisja anke għax Pell kien l-ogħla uffiċjal tal-Knisja Kattolika li qatt ġie akkużat u eventwalment misjub ħati mill-ewwel Qorti li abbuża minn tfal.

Is-seba’ mħallfin li semgħu l-argumenti tal-Avukati ta’ Pell qablu b’mod unanimu li l-Kardinal mhuwiex ħati waqt li insistew li l-ewwel Qorti ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-evidenza kollha li ġiet ippreżentata quddiemha.

Pell baqa’ jinsisti li huwa innoċenti matul il-proċess kollu u l-argumenti tiegħu u tal-Avukati kienu jduru mal-fatt li l-Kardinal qatt ma kien ikun waħdu fil-Katidral u għalhekk kien impossibbli li jabbuża żewġt itfal tal-kor f’waħda mis-sagristiji wara l-quddiesa tal-Ħadd meta kien għadu liebes l-ilbies liturġiku.

Apparti minn hekk, wara l-quddiesa, il-Kardinal kien iqatta’ ħafna ħin fil-bieb tal-Katidral biex isellem u jitkellem man-nies u hu dejjem kien ikun akkumpanjat u qatt waħdu.

L-Avukati insistew ukoll li l-ewwel Qorti qagħdet biss fuq ix-xhieda ta’ persuna waħda, anke għax il-persuna l-oħra li kien qed jintqal li Pell abbuża minnha, illum miet. Dan tal-aħħar qatt ma qal xejn dwar il-Kardinal.

“Ma għandi l-ebda rabja kontra min akkużani, ma nixtieqx li l-maħfra li ngħatajt iżżid mal-weġgħa u r-rabja li għandhom ħafna persuni; żgur li hawn biżżejjed sentimenti ta’ uġigħ u rabja,” qal Pell fi stqarrija ftit wara din id-deċiżjoni. Huwa rringrazzja lil dawk kollha li matul dawn ix-xhur kienu jibagħtulu ittri ta' appoġġ, lill-familja u lill-Avukati tiegħu. Temm l-istqarrija jgħid li qed jitlob għal dawk kollha milquta mill-coronavirus u anke l-ħaddiema tas-saħħa li qed jgħinuhom.

Mill-banda l-oħra, l-organizzazzjoni Survivors Network of those Abused by Priests (SNAP) iddikjarat li hi ixxukkjata u ddispjaċuta b’dan ir-riżultat. 

L-ewwel smigħ kontra Pell intemm meta l-ġurija ma setgħetx tilħaq deċiżjoni imma meta seħħ it-tieni proċess, il-ġurija kienet qablet b’mod unanimu li l-Kardinal kien ħati u ngħata sentenza ta’ sitt snin ħabs li beda jiskonta minn Diċembru tal-2018.

Qorti tal-appell kienet ikkonfermat is-sentenza ta’ Pell, anke jekk minn tliet Imħallfin, wieħed ivvota kontra. Madanakollu, l-Ogħla Qorti Awstraljana ħelset lil Pell minn kull akkuża.

Il-Papa Franġisku kien ħatar lil Pell biex jorganizza s-sistema tal-finanzi tal-Vatikan lura fl-2014. 

Il-Vatikan kien qal li huwa se jagħti kumment biss wara li jkunu ġew eżawriti l-mezzi kollha tal-appell. 

More in Barranin