Italja: Is-sitt vittma tal-coronavirus; Sospiż il-Karnival f'Venezja u f'Milan jingħalqu d-Duomo u l-iskejjel

B'152 każ l-Italja hija l-pajjiż bl-ogħla rata ta’ coronavirus fl-Ewropa.

Il-Karnival ta’ Venezja twaqqaf ħesrem u Milan għalqet l-università tagħha, l-iskejjel u anke d-Duomo u dan hekk kif l-Italja hija l-pajjiż bl-ogħla rata ta’ coronavirus fl-Ewropa.

Fl-aħħar jiem, ħames persuni tilfu ħajjithom kawża tal-virus, bl-aħħar ċifri jgħidu li fl-Italja hemm 152 każ ikkonfermat. Fi ftit sigħat, dalgħodu, miet anzjan ta’ 84 sena minn Bergamo, ftit wara mietet mara ta' 88 sena minn Lodigiano u aktar tard mara oħra minn Brescia. Il-vittmi kollha kienu jbatu minn kundizzjonijiet patoloġiċi oħra.

L-akbar ammont ta’ każijiet jinsabu f’Milan u f’Venezja, żewġt ibliet popolari ħafna mat-turisti u li spiċċaw fi kwarantina.

Fil-fatt, madwar 50,000 persuna ma jistgħux la jidħlu u lanqas joħorġu f’diversi bliet u rħula ta’ Veneto u l-Lombardia għall-ħmistax li ġejjin u dan bil-għan li l-Italja tikkontrolla t-tixrid tal-Covid-19.

Apparti dawn il-miżuri, tħassru wkoll diversi logħob tal-futbol li lejhom jiġbdu eluf ta’ persuni.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte, is-Sibt, ħabbar li “miżuri straordinarji” se jkunu qed jidħlu fis-seħħ biex ikun ikkontrollat il-virus.

Huwa saħaq li r-restrizzjonjiet imsemmija hawn fuq jistgħu jdumu ġimgħat.

Min-naħa tiegħu, Angelo Borrelli, il-Kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-Italja qal lill-ġurnalisti li hem 110 każ ikkonfermat fil-Lombardia u 21 każ f’Veneto, l-Emilia-Romagna u anke l-Lazio.

X’inhu l-Coronavirus?

Fi kliem sempliċi, il-Coronaviruses huma familja kbira ta’ viruses. Fil-fatt dawk magħrufa bħala MERS (Middle East Respiratory Syndrome) u SARS (Severe Acute Respiratory Syndrome) huma wkoll coronavirus.

Dak li żviluppa u nxtered minn Wuhan fiċ-Ċina huwa virus ġdid mill-istess familja ta’ coronaviruses u li qatt qabel ma kien identifikat fil-bniedem.

Il-coronaviruses jinxterdu mill-annimali għall-bniedem. Diversi coronaviruses li ġew identifikati fl-annimali għadhom qatt ma infettaw lill-bniedem.

Il-Covid-19 huwa l-isem mogħti lil dan il-coronavirus ġdid li beda jinxtered minn Diċembru 2019.

L-ewwel persuni infettati b’dan il-virus kienu dawk li jaħdmu jew inkella li jiffrekwentaw suq f’Wuhan li jbigħ annimali ħajjin jew inkella oħrajn li jkunu għadhom kemm inqatlu.

Għalkemm l-ewwel analiżi ssuġġerriet li l-virus kien simili għal dak komuni fis-sriep, issa jidher li huwa aktar simili għal dak komuni fil-friefet il-lejl.

Is-SARS u l-MERS kemm ħallew vittmi? Il-Covid-19 kif jikkumpara.

Fl-2002, is-SARS inxtered f’madwar 37 pajjiż. Madwar 8,000 persuna kienu ġew infettati bih u madwar 750 kienu tilfu ħajjithom.

Il-MERS huwa aktar diffiċli biex jgħaddi minn persuna għall-oħra iżda r-rata ta’ mwiet jidher li hija aktar qawwija minn dik tas-SARS. Fil-fatt, skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, mill-2,500 persuna infettati, 35% tilfu ħajjithom.

Sa issa r-rata ta’ mwiet tal-Covid-19 ma jidhirx li hija għolja ħafna u x’aktarx li hija ta’ 2.3%.

Biex inpoġġu dan f’kuntest, madwar biljun persuna taqbadhom l-influwenza kull sena u din tħalli bejn 290,000 u 650,000 persuna mejta. Is-severità tal-influwenza tinbidel kull sena.

Intant, skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa

  • 82% tal-pazjenti tal-Covid-19 żviluppaw sintomi baxxi;
  • 15% żviluppaw sintomi severi; u
  • 3% spiċċaw f’qagħda kritika.

Din l-informazzjoni kienet ibbażata minn informazzjoni miġbura minn fuq 17,000 pazjent.

X’inhuma s-sintomi?

Jidher li l-ewwel sintomi tal-coronavirus huma d-deni u xerqa fil-vojt.

Wara ġimgħa jista’ jagħti l-każ li persuna tibda tħossha qed taqta’ nifisha.

Is-sintomi ġieli jkunu jixbhu wkoll lil dawk ta’ riħ komuni, bħal ngħidu aħna għatis u mnieħer miżdud.

Sintomi oħra jistgħu jinkludu għejja u anke wġigħ fil-muskoli.

Skont il-WHO, iż-żmien tal-inkubazzjoni, jiġifieri ż-żmien minn meta persuna tieħu l-virus sakemm joħorġu l-ewwel sintomi, huwa ta’ 14-il ġurnata.

Madanakollu, riċerkaturi saħqu li dan il-perjodu jista’ jdum saħansitra 24 ġurnata, bi xjentisti Ċiniżi jinisistu li l-virus jista’ jittieħed anke qabel joħorġu l-ewwel sintomi.

Qed jinxtered malajr?

Iva. Eluf ta’ każijiet ġodda qed ikunu rrapportati kuljum u ċ-ċifri qed jinbidlu minn ħin għall-ieħor.

X’aktarx li n-numru ta’ każi ġodda qed jirdoppja kull ħames jew sebat ijiem.

Kif tista’ tipproteġi lilek innifsek u lil ħaddieħor?

Il-WHO ħarġet dawn il-linji gwida biex persuna ssegwi sabiex tnaqqas ir-riskju

  • Aħsel idek – Uża sapun jew ġel li jista’ joqtol il-virus
  • Għatti ħalqek u mnieħrek meta tisgħol jew tagħtas, idealment bl-użu ta’ tissue u aħsel idejk wara.
  • Evita li tmiss għajnejk, imnieħrek u ħalqek
  • Tersaqx viċin ħafna ta’ nies li qed jisogħlu, jagħtsu jew li għandhom id-deni. Idealment żomm imqar metru ’l bogħod minnhom.

More in Barranin