Il-Kardinal Pell jingħata l-aħħar ċans biex inaddaf ismu wara li nstab ħati ta' abbuż sesswali

Il-Kardinal Pell se jkun qed jappella quddiem l-ogħla Qorti fl-Awstralja

L-ogħla Qorti fl-Awstralja laqgħet it-talba tal-Kardinal Pell biex hekk se jkollu l-aħħar ċans biex inaddaf ismu wara li kien instab ħati li abbuża sesswalment minn żewġt itfal tal-kor fil-Katidral ta’ Melbourne, meta hu kien Arċisqof.

Il-Kardinal Pell huwa l-ogħla uffiċjal tal-Knisja Kattolika li nstab ħati ta’ abbuż sesswali. Pell għandu 78 sena u sa ftit xhur ilu kien it-Teżorier tal-Vatikan.

Pell qed jinsisti li huwa innoċenti. L-Avukati tiegħu u dawk li xehdu favorih qed jisħqu li l-abbuż ma setax seħħ. Dan għax skont il-Prosekuzzjoni, l-abbuż seħħ f’waħda mis-sagristiji tal-Katidral wara quddiesa.

Kemm Pell u anke dawk li xehdu favorih qed jisħqu li din is-sagristija tkun dejjem mimlija bin-nies u l-Arċisqof qatt ma jitħalla waħdu.

L-Avukati ta’ Pell qed jisħqu wkoll li l-Qorti, fid-deċiżjoni tagħha, qagħdet biss fuq ix-xhieda ta’ persuna waħda, għax wieħed mis-subien miet ftit tas-snin ilu.

Preżetament, il-Kardinal qed iservi sentenza ta’ sitt snin ħabs fejn qed jinżamm f’ċella tal-iżolament.

F’Diċembru li għadda, ġuri, unanimament sabu ħati li abbuża żewġ subien ta’ 13-il sena fl-Katidral ta’ San Patrizju.

Pell kien appella minn din is-sentenza, bil-Qorti tal-Appell tiċħad l-argumenti ta’ Pell. Minn tliet imħallfin, tnejn ikkonfermaw is-sentenza u wieħed ivvota kontra.

More in Barranin