L-Unjoni Ewropea testendi Brexit sal-31 ta' Jannar

Iżda r-Renju Unit jista' jitlaq qabel jekk il-Parlament Ingliż japprova l-ftehim innegozjat bejn il-Gvern Ingliż u l-UE

L-Unjoni Ewropea qablet li testendi Brexit sal-31 ta’ Jannar.

Ħabbar dan il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk.

Fuq Twitter huwa spjega kif ir-Renju Unit se jingħata ċ-ċans li jitlaq qabel jekk il-ftehim innegozjat bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea jkun approvat mill-Parlament.

Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tas-27 ambaxxatur tal-Unjoni Ewropea. Jidher ukoll li l-ambaxxaturi qablu li l-ftehim innegozjat ma jistax jerġa' jinfetaħ biex ikun innegozjat mill-ġdid.

L-aħbar ħarġet fiż-żmien li d-Deputati Ingliżi qed jippreparaw biex jivvotaw dwar il-proposta ta’ Johnson għal elezzjoni ġenerali bikrija nhar it-12 ta’ Diċembru.

Brexit kellu jseħħ nhar il-Ħamis li ġej, iżda l-Parlament Ingliż ma laħħaqx jivvota fil-ħin dwar il-ftehim ġdid li nnegozja l-Gvern ta' Johnson.

Għalhekk, ġaladarba l-Parlament Ingliż kien ivvota kontra Brexit bla ftehim, Johnson kien kostrett jikteb lill-Unjoni Ewropea biex jitlob estensjoni.

More in Barranin