Il-Gvern ta' Johnson se jinsisti għal elezzjoni bikrija? Kollox jiddependi mill-vot tal-lum

Ikompli d-dibattitu jaħraq fil-Parlament Ingliż disat ijiem biss qabel suppost iseħħ Brexit

Il-Gvern Ingliż se jkun qed jabbanduna l-abbozz ta’ liġi dwar Brexit jekk il-Parlament ma jaqbilx dwar il-programm tal-Gvern biex dan ikun diskuss fuq tlett ijiem.

Skont rapporti fuq midja internazzjonali, jekk il-programm tal-Gvern ma jkunx approvat u l-Unjoni Ewropea tapprova estenzjoni oħra, il-Gvern se jkun qed jinsisti li ssir elezzjoni ġenerali.

Il-Withdrawal Agreement Bill kien ippubblikat it-Tnejn filgħaxija u dan qed ikun diskuss bħalissa fil-Parlament.

Illejla, l-Parlament se jkun qed jivvota dwar il-programm tal-Gvern biex dan l-abbozz ta’ liġi jkun diskuss fuq tlett ijiem.

Fil-bidu tad-dibattitu, Johnson saħaq li r-Renju Unit għandu f’idejh ftehim mal-Unjoni Ewroepa u anke programm ta’ tlett ijiem biex ikun diskuss.

Insista li jekk il-Parlament jivvota favur tagħhom, il-ġimgħa d-dieħla jseħħ Brexit u r-Renju Unit ikun jista’ jimxi 'l quddiem.

L-Oppożizzjoni qed tisħaq li ma jagħmilx sens li l-liġi bħal din tkun diksussa fi tlett ijiem biss.

Dan l-abbozz ta’ liġi li l-Parlament għandu quddiemu jagħti effett legali lill-ftehim għal Brexit innegozjat minn Boris Johnson.

More in Barranin