L-Ispeaker Ingliż jirrifjuta vot ieħor dwar il-ftehim għall-Brexit

Għadu mhux magħruf x'se tkun it-triq 'il quddiem u jekk l-UE hux lesta taċċetta li tagħti estensjoni oħra lir-Renju Unit

L-Ispeaker Ingliż John Bercow irrifjuta li l-Parlament Ingliż jivvota “iva” jew “le” dwar il-ftehim ġdid dwar Brexit.

Bercow saħaq li mozzjoni dwar il-ftehim ittellgħet fil-Parlament nhar is-Sibt li għadda u għalhekk, fi kliemu, ma jagħmilx sens li dan jerġa’ jkun diskuss daqshekk malajr.

Is-Sibt li għadda, id-Deputati Ingliżi vvotaw biex il-ftehim ta’ Johnson ikun diskuss biċċa biċċa u ma jkunx approvat qabel ma jidħol fil-liġi. Dan ifisser li l-Parlament ma vvotax kontra l-ftehim ġdid għall-Brexit.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern qal li huwa diżappuntant, iżda se jkompli jaħdem biex jintroduċi l-leġislazzjoni neċessarja.

Fi stqarrija, il-Gvern insista li l-Ispeaker ċaħħad lill-Gvern milli jonora r-rieda tal-poplu Ingliż.

Ir-Renju Unit suppost joħroġ mill-Unjoni Ewropea fi żmien għaxart ijiem.

Wara l-vot ta’ nhar is-Sibt li għadda, Jonhson kien kostrett jikteb ittra biex jitlob lill-Unjoni Ewropea għal estensjoni.

Sa issa, l-Unjoni Ewropea għadha ma qalitx jekk taċċettax din it-talba jew le.

More in Barranin