Brexit | Boris Johnson jibda ġirja mal-ħin biex jikkonvinċi kemm jista' jkun deputati

Minkejja l-oppożizzjoni, Johnson jisħaq li huwa “kunfidenti ħafna” li d-Deputati Parlamentari se jaqblu dwar dan il-ftehim

Boris Johnson beda ġirja mal-ħin bil-għan li sa għada jirnexxielu jipperswadi lill-Parlament Ingliż biex japprova l-ftehim ġdid li ntlaħaq bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.

Johnson saħaq li huwa “kunfidenti ħafna” li d-Deputati Parlamentari se jaqblu dwar dan il-ftehim.

Madanakollu, id-DUP, il-partit li miegħu l-Partit Konservattiv jinsab f’koalizzjoni, baqa’ jżomm mal-pożizzjoni tal-bieraħ u qed jisħaq li mhux se jivvota favur dan il-ftehim.

Dan ifisser li Johnson se jkun qiegħed jiffaċja taqtiegħa ħarxa biex jgħaddi dan il-ftehim mill-Parlament.

L-uniku soluzzjoni li għandu Johnson huwa li jipperswadi Deputati Laburisti li ġejjin minn dawk iż-żoni li vvutaw l-aktar favur Brexit u anke Deputati ribelli li spiċċa biegħed mill-partit tiegħu stess.

Is-seduta ta’ għada fil-Parlament Ingliż hija l-aħħar ċans għal Johnson biex jipperswadi lill-Parlament japprova ftehim qabel id-data tal-31 ta’ Ottubru.

Jekk dan il-ftehim ma jkunx approvat, liġi approva mill-Parlament Ingliż tobbliga lill-Prim Ministru biex jitlob estensjoni sal-31 ta’ Jannar, xi ħaġa li hu qed jinsisti li ma jridx.

More in Barranin