Boris Johnson iħabbar li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea laħqu ftehim ġdid dwar Brexit

Iżda d-DUP, li miegħu l-Partit Konservattiv jinsab f'koalizzjoni qal ċar u tond li mhux se jkun qed jappoġġja dan il-ftehim...

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ħabbar li ntlaħaq qbil dwar ftehim ġdid għal Brexit, liema ftehim, fi kliemu jagħti l-kontroll lura lir-Renju Unit.

Fuq Twitter, Boris Johnson saħaq li l-aħħar pass huwa li nhar is-Sibt li ġej, il-Parlament Ingliż japprova dan il-ftehim biex ir-Renju Unit ikun jista' jimxi 'l quddiem.

Dwar dan għad hemm xi ftit jew wisq tad-dubju wara li l-Partit Unjonista Demokratiku, li miegħu l-Partit Konservattiv jinsab f'koalizzjoni, qal li ċar u tond li mhux se jkun qiegħed jappoġġja dan il-ftehim.

Fuq Twitter, kiteb ukoll il-President uxxenti tal-Parlament Ewropew, Jean Claude Juncker.

"Fejn hemm ir-rieda, hemm ftehim," kiteb Juncker waqt li ddeskriva l-ftehim bħala wieħed ibbilanċjat.

Intant, illum se jibda summit importanti tal-Kunsill Ewropew li fih il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea jridu jaqblu dwar dan il-ftehim biex Johnson ikun jista' jmur bih quddiem il-Parlament Ingliż għall-approvazzjoni tiegħu.

Jekk Johnson ma jirnexxilux jikseb l-appoġġ dwar dan il-ftehim, huwa kostrett bil-liġi li jitlob estensjoni għal Brexit li suppost iseħħ fil-31 ta' Ottubru. F'idejn l-UE taċċettax jew le.

'Ftehim agħar minn ta' Theresa May' - Jeremy Corbyn

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Ingliż ma tantx deher kuntent b'dan il-ftehim.

Fil-fatt, Jeremy Corbyn iddikjarah bħala "agħar" mill-ftehim li kienet laħqet Theresa May u li minħabba fih tilfet il-maġġoranza fil-Parlament.

Corbyn appella lid-Deputati biex ma japprovawhx.

X'fih il-ftehim il-ġdid?

Il-kwistjoni tal-fruntiera mal-Irlanda ta' Fuq, magħrufa bħala backstop, kienet l-aktar parti kontroversjali tal-ftehim tal-eks Prim Ministru May u li allura, Boris Johnson ipprova jemenda.

Juncker, fl-ittra tiegħu, jikkonferma li din il-kwistjoni u anke d-dikjarazzjoni politika dwar ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-UE, ġew emendati.

Madanakollu, hu mifhum li l-pjan il-ġdid se jwassal biex l-Irlanda ta' Fuq tkun ittrattata differenti mill-bqija tar-Renju Unit, xi ħaġa li l-Partit Unjonista Demokratiku (ara aktar 'il fuq), għandha dubji serji dwarha.

More in Barranin