Donald Tusk jisħaq li l-UE xorta mhux konvinta bil-proposti l-ġodda ta' Boris Johnson

Il-Gvern ta' Johnson ippropona sett ta' proposti ġodda bil-għan li jintlaħaq ftehim mal-Unjoni Ewropea li jkun aċċettat mill-Parlament Ingliż

L-Unjoni Ewropea “hija miftuħa imma mhux konvinta” dwar il-proposti l-ġodda tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson għal ftehim mal-Unjoni Ewropea qabel iseħħ Brexit.

Qal dan il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk li kien wieħed minn għadd ta’ mexxejja tal-Unjoni Ewropea li wrew dubji dwar il-proposti ta’ Johnson.

Minflok il-‘backstop’ li kien ser iżomm lir-Renju Unit milli jilħaq ftehim kummerċjali ma’ pajjiżi oħra wara li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, Johnson qiegħed jipproponi li wara Brexit l-Irlanda ta’ fuq għalkemm hija parti mir-Renju Unit, tibqa’ fis-suq waħdieni Ewropew, iżda toħroġ mill-unjoni tad-dwana flimkien mal-bqija tar-Renju Unit, filwaqt li l-Ingilterra, l-Iskozja u Wales joħorġu anke mis-suq waħdieni.

Il-Prim Ministru Irlandiż, Leo Varadkar qal li jilqa’ l-proposti l-ġodda iżda saħaq li dawn xorta waħda ma jindirizzawx kwistjonijiet ewlenin.

Intant, David Frost, li qed imexxi n-negozjati mal-Unjoni Ewropea, mistenni jkollha sensiela oħra ta’ laqgħat fi Brussell.

Michel Barnier, li qed imexxu n-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea, diġà wera riservi kbar dwar il-proposta li jitneħħa l-backstop.

Ir-Renju Unit suppost li se jħalli l-Unjoni Ewropea fil-31 ta' dan ix-xahar.

More in Barranin