Seduta mqanqla fil-Parlament Ingliż wara li reġa' tlaqqa b'urġenza

Dan wara li lbieraħ il-Qorti Suprema ddeċidiet li s-sospensjoni tal-Parlament Ingliż kienet waħda illegali

Seduta mqanqla fil-Parlament Ingliż hekk kif dan reġa’ tlaqqa’ b’urġenza wara li lbieraħ l-Ogħla Qorti fir-Renju Unit iddikjarat is-sospensjoni tal-Parlament bħala waħda illegali.

L-Avukat Ġenerali saħaq li l-intenzjoni tal-Gvern li jissospendi l-Parlament kienet waħda tajba waqt li insista li jinsab iddispjaċut bid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema anke jekk jirrispettaha.

Huwa akkuża lid-Deputati Parlamentari, partikolarment dawk tal-Oppożizzjoni u ddeskrivihom bħala “beżżiegħa” u “tal-mistħija” għax ma jridux li tissejjaħ elezzjoni ġenerali.

Wara din id-deċiżjoni, Boris Johnson kellu jitlaq mis-summit tal-Ġnus Magħquda fi New York u mistenni jindirizza l-Parlament aktar tard illum.

Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Jeremy Corbyn qiegħed jitlob għar-riżenja tal-Prim Ministru waqt li mhux jeskludi vot ta’ sfiduċja.

Ir-Renju Unit għandu jitlaq mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Ottubru li ġej, bil-Parlament iddeċieda li dan ma għandux iseħħ bla ftehim u Johnson jisħaq li bi ftehim jew mingħajru, Brexit se jseħħ.

More in Barranin