L-ogħla Qorti tar-Renju Unit tiddeċiedi li Boris Johnson kiser il-liġi meta ssospenda l-Parlament

Ħdax-il Imħallef iddikjaraw li d-deċiżjoni ta' Johnson kienet nulla u bla effett

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson li jissospendi l-Parlament kienet illegali. Hekk iddeċidiet il-Qorti Suprema, jiġifieri l-ogħla Qorti fir-Renju Unit.

Johnson issospenda l-Parlament għal ħames ġimgħat bil-għan li jsir il-ftuħ uffiċjali li jkun jinkludi d-Diskors tar-Reġina, diskors li kull Gvern jużah biex iħabbar il-politika u l-pjanijiet tiegħu.

Madanakollu, il-Qorti Suprema saħqet li bl-azzjoni tiegħu, Johnson waqqaf il-Parlament milli jaqdi l-funzjoni tiegħu.

L-Imħallef saħqet li: “L-effett fuq il-prinċipji tad-demokrazija tagħna kienu estremi.”

Id-deċiżjoni kienet waħda unanima, bi ħdax-il Imħallef jisħqu li d-deċiżjoni ta’ Johnson kienet nulla u bla effett u li issa f’idejn l-Ispeaker biex jara x’passi għandhom jittieħdu.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Johnson saħaq li ma jaqbilx mal-verdett iżda se jkun qed jirrispettah.

Immedjata kienet ir-reazzjoni tal-Ispeaker John Bercow li laqa' din id-deċiżjoni tal-Qorti, anke għax hu kien ilu jisħaq li d-deċiżjoni kienet waħda illegali.

Huwa appella biex il-Parlament jitlaqqa' mingħajr dewmien u li se jkun qed jiltaqa' mal-mexxejja tal-partiti b'urġenza.

Diversi kienu tal-fehma li Johnson ħa din id-deċiżjoni biex il-Parlament ma jkunx jista’ jwaqqfu milli joħroġ lir-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea anke jekk mingħajr ftehim.

More in Barranin