Il-President Taljan, Sergio Mattarella, sejjaħ laqgħa ma’ Giuseppe Conte bil-għan li jitolbu jifforma Gvern bejn il-Partit Demokratiku u l-Movimento Cinque Stelle.
Dan wara li lbieraħ filgħaxija tħabbar li ż-żewġ forzi politiċi qablu fuq programm u għalhekk se jkunu qed jifformaw Gvern bejniethom, li jkollu l-appoġġ tal-Parlament.
B’hekk ma twettqitx ix-xewqa ta’ Matteo Salvini li tissejjaħ Elezzjoni Ġenerali bit-tama li jirbaħ il-voti u jkollu biżżejjed siġġijiet biex jiggverna waħdu.
Is-Segretarju tal-Partit Demokratiku, Nicola Zingaretti saħaq li f’diskussjoni ma’ Mattarella infurmawh li qabdu li jifformaw Gvern mal-Movimento Cinque Stelle u anke li jaċċettaw li jerġa’ jkun Giuseppe Conte li jieħu l-kariga ta’ Prim Ministru.
Huwa saħaq li anke jekk Conte se jerġa’ jmexxi l-Gvern, ma jfissirx li dan se jkun qed ikompli fejn ħalla waqt li ddeskriva l-Gvern bħala wieħed ta’ bidla.
“Se jibda staġun ċivili, soċjali u politiku ġdid,” saħaq Zingaretti.
L-irwol ta’ Conte issa huwa li jagħżel il-Ministri u membri oħra tal-Kabinett miż-żewġ forzi politiċi.
Interessanti x’se jkun l-irwol il-ġdid ta’ Luigi di Maio, kap tal-Movimento Cinque Stelle
Jidher li tul it-taħdidiet, il-Partit Demokratiku ma qabilx li jerġa’ jkollu l-irwol ta’ Deputat Prim Ministru.