Brexit bla ftehim jista' jfisser it-tmiem tal-moviment ħieles lejn ir-Renju Unit

Boris Johnson se jkun qed jiltaqa' ma' mexxejja Ewropej bil-għan li jintlaħaq ftehim ġdid għal Brexit

Rapporti fuq midja internazzjonali qed jisħqu li l-Ministru għall-Intern Ingliż qiegħed jisħaq dwar restrizzjonijiet fuq il-fruntiera f’każ li Brexit jidħol fis-seħħ fil-31 ta’ Ottubru mingħajr ftehim mal-Unjoni Ewropea.

Dan ikun ifisser it-tmiem tal-moviment ħieles għaċ-ċittadini Ewropej lejn ir-Renju Unit.

Dan ħareġ ftit jiem biss qabel il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jkun qed jiltaqa’ ma’ mexxejja Ewropej bil-għan li jġib ftehim ġdid għal Brexit, wara li dak mifthiem mill-Prim Ministru ta’ qablu, Theresa May, kien irriġettat tliet darbiet mill-Parlament Ingliż.

Johnson mistenni jiltaqa’ mal-President Franċiż Emmanuel Macron u anke mal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, fost oħrajn.

Minkejja li Johnson se jfittex ftehim ġdid, mistenni jinsisti li Brexit se jseħħ xorta fil-31 ta’ Ottubru bi ftehim jew mingħajru.

Il-laqgħat mistennija jseħħu qabel is-summit ta’ żewġt ijiem tal-G7 li se jibda nhar is-Sibt li ġej fi Biarritz, fi Franza.

Sa issa l-Unjoni Ewropea għamel il-pożizzjoni tagħha waħda ċara, jiġifieri li mhux lesta tinnegozja ftehim ġdid għal Brexit.

More in Barranin