'Lil Salvini ma tistax tafdah' ... toħroġ aktar fil-beraħ il-qasma fil-Gvern Taljan

Għada l-Parlament se jkun qed jiddibatti l-futur tal-Gvern ta' koalizzjoni mmexxi minn Giuseppe Conte

Il-qasma fil-koalizzjoni tal-Gvern Taljan issa ħarġet fil-baħar aktar minn qatt qabel hekk kif waqt attività tal-Movimento Cinque Stelle, id-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini kien deskritt bħala persuna li ma tistax tafda.

Il-partit ta’ Luigi di Maio qal dan fi stqarrja sigħat biss qabel għada l-Parlament Taljan se jkun qed jiddibatti l-Gvern ta’ Giuseppe Conte li minkejja li Salvini huwa parti minnu, qed jibqa’ jinsisti li ma għandux futur.

Sondaġġi qed juru lil-Lega, il-partit ta’ Matteo Salvini bħala l-favorit li jirbaħ jekk issir elezzjoni bikrija u għalhekk ħafna qed jisħqu li Salvini x’aktarx li qed jipprova jieħu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni.

Madanakollu, il-Movimento Cinque Stelle, flimkien ma’ partiti oħra fosthom anke l-Partit Demokratiku, diġà vvutaw kontra mozzjoni mressqa minn Salvini l-ġimgħa li għaddiet biex isir vot ta’ sfiduċja fil-Gvern ta’ Conte.

Dan minkejja U-turn li għamel Salvini meta stqarr li kien lest jivvota minnufih favur riforma li qed jipproponi l-Movimento Cinque Stelle biex il-Parlament Taljan jonqos b’madwar 300 Deputat, jekk jaqblu li jivvutaw kontra l-Gvern Conte.

It-tentattiv ta’ Salvini ma wassal imkien, hekk kif il-Parlament ivvota biss favur dibattitu li se jsir għada u li matulu mistenni diskors mill-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte.

Intant, ilbieraħ Salvini insisti li l-poter huwa f’idejn il-poplu u għandu jkun hu li jiddeċiedi jekk jaqax il-Gvern jew le. Kien għalhekk li reġa’ saħaq li għanda ssir elezzjoni bikrija biex it-Taljani jivvutaw dwar min għandu jmexxi lill-Italja fil-ħames snin li ġejjin.

Temm jisħaq li jekk hemm xi ħadd li qed jaħseb li jagħmel Gvern ma’ Renzi, Prodi u Boschi “l-ewwel irid jgħaddi minn fuqi.”

More in Barranin