Fruntiera inkwiet u dokument ta’ 500 paġna: il-Brexit ta’ May

Fuq xiex mhux qed jaqblu? Imma x’inhi l-Backstop eżatt? U jekk tgħix ir-Renju Unit se tintlaqat? Se jkollok drittijiet? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn il-Ftehim tal-Irtirar (Withdrawal Agreement) u aktar ...

Din il-ġimgħa mix-xena politika barranija kellna tiddomina l-kwistjoni ‘Brexit’ u allura l-proċess tar-Renju Unit biex dan joħroġ mill-blokk politiku Ewropew illi fih issa ilu mill-1975.

Dakinhar, tirrapporta The Guardian, il-pajjiż sar membru mingħajr ħafna daqq u ċirimelli. Fil-fatt dakinhar l-artiklu kien intitolat ‘We’re in... but without the fireworks’ u l-artiklu kien jibda daqs li kieku obitwarju, “Britain passed peacefully into Europe last night...”

Imma dik kollha storja issa. Bħalissa qed niddiskutu b’liema mod ir-Renju Unit se jitlaq mill-blokk politiku tal-UE, ibbażat l-aktar fuq Ftehim tal-Irtirar (Withdrawal Agreement) voluminuż li qed jipproponi l-Gvern Konservattiv ta’ Theresa May.

F’dan l-artiklu, fil-kuntest storiku li ninsabu fih il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn l-aktar punti saljenti tad-dokument u l-aktar punti li fuqhom qamet kontroversja u l-aktar li taw lil May uġigħ ta’ ras.

L-aktar 310 mil kontroversjali...

Tajjeb illi niftakru li l-kwistjoni li l-aktar illi qajmet furur u mewġ kien dak magħruf bħala l-ftehim ‘Backstop’ u allura kif il-fruntiera ta’ 310 mil bejn ir-Repubblika tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq tibqa’ kemm jista’ jkun qrib is-sitwazzjoni ta’ bħalissa fejn persuna, oġġett jew negozju jista’ jaqsam il-fruntiera mingħajr il-bżonn ta’ eżaminazzjoni jew ‘border-checks’.

‘Hard Border’ ifisser illi l-fruntiera bejn iż-“żewġ Irlandi” tkun daqslikieku fruntiera bejn pajjiż tal-UE u ieħor li mhux, bil-persuni u l-infrastruttutra meħtieġa biex jiġi ċċekkjat kulma jgħaddi minn naħa għal oħra. Dan ikun pass kbir lura mill-Ftehim tal-1998, magħruf bħala l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira.  

Il-problema hija li r-Repubblika tal-Irlanda li mhix parti mir-Renju Unit se jkollha l-fruntiera mal-Irlanda ta’ Fuq u allura se jkollha fruntiera ma’ pajjiż barra l-UE (jekk iseħħ Brexit!) bi ftehim ta’ kummerċ li għadu mhux stabbilit.

L-Unjoni Ewropea, permezz ta’ Michel Barnier qed tipproponi li l-Irlanda ta’ fuq tibqa’ fl-Unjoni Dogonali, xi ħaġa li l-Gvern Ingliż ma kienx qed jaċċetta. May qalet illi prattikament din il-proposta qed toħloq bħal fruntiera fir-Renju Unit stess, bejn l-Ingilterra, l-Iskozja u Wales u l-Irlanda ta’ Fuq.

Minflok, f’Diċembru 2017, bi qbil mal-UE, il-Gvern Ingliż iddeċieda li r-Renju Unit kollu kemm hu għandu jibqa’ fl-Unjoni Dogonali sal-2020 u li l-ftehim ‘Backstop’ issir deċiżjoni dwaru biss meta jintlaħaq qbil kummerċjali. Dan il-qbil kien ifisser illi prodotti jkunu eżaminati meta jkunu sejrin lejn l-Irlanda ta’ Fuq mir-Renju Unit, imma mhux mill-Irlanda ta’ Fuq għar-Renju Unit.

Ir-Renju Unit ma jkunx jista’ joħroġ mill-arranġament tal-Backstop waħdu.

Iżda dan m’għoġob xejn lil bosta deputati li jixtiequ u qed jaħdmu għal Brexit, għax qed jinsistu li jekk ir-Renju Unit jibqa’ membru f’Unjoni Dogonali dan se jkompli jwaqqaf lir-Renju Unit, kważi b’mod indefinit, milli jagħmel arranġamenti u ftehim ma’ pajjiżi oħrajn lil hinn mill-UE mingħajr ma jkun marbut mat-tariffi u l-arranġamenti li għamlet l-UE maż-żmien.

M’għoġobhom xejn il-fatt li l-Irlanda ta’ Fuq ikollha bħal status iktar speċjali u preferenzjali mill-Ingilterra, l-Iskozja u Wales u għalhekk jinħolqu bħal żewġ livelli f’pajjiż wieħed.

Naturalment l-Unjoni Ewropea, min-naħa tagħha, ma tixtieqx illi r-Renju Unit jibqa’ membru tal-Unjoni Dogonali u ma ġġorrx ir-responsabilità tal-pajjiżi li huma membri.

Fi Strasburgu, f’attentat tal-aħħar biex tikseb l-appoġġ il-PM Ingliż ħabbret illi bi qbil mal-UE se jinħoloq mekkaniżmu bejn ir-Renju Unit u l-UE li tħalli lir-Renju Unit ifittex arbitraġġ u toħroġ minn ftehim Backstop, jekk l-UE “apposta tipprova żżomm lir-Renju Unit f’dan il-ftehim billi ma tinnegozjax ftehim ta’ kummerċ b’rieda tajba.” Hi kienet ħabbret ukoll li kienet iffirmata dikjarazzjoni li tgħid illi għandu jinstab ftehim biex il-Backstop Irlandiż jkun sostitut bi ftehim ieħor.

Iżda naturalment, kif nafu, dawn l-assigurazzjonijiet ftit li xejn ħadmu fil-House of Commons.

Imma għalfejn importanti dan il-Backstop?

Apparti s-sitwazzjoni fuq il-fruntiera bejn iż-żewġ naħat, qbil fuq dan il-ftehim huwa importanti għaliex ma jistax ikun hemm qbil dwar Brexit jekk ma jkunx hemm qbil fuq kull parti tal-ftehim.

Id-dritt ta’ residenza jekk persuna tkun ilha tgħix f’pajjiż ħames snin

Il-ftehim għandu diversi artikli li jserrħu ras ħafna Ingliżi u l-familji tagħhom li jgħixu f’pajjiż fl-Unjoni Ewropea.

Fil-fatt dan id-dokument jesiġi li kull persuna mir-Renju Unit għandha dritt titlaq u terġa’ tidħol fil-pajjiż li qed jospitaha mingħajr il-bżonn ta’ viża.

Jgħidu wkoll illi dawk li ilhom jgħixu b’mod kontinwu għal dawn l-aħħar ħames snin f’pajjiż fl-UE għandu jkollhom id-dritt li jgħixu hemm. Id-dritt tar-residenza jintilef biss, skont Artiklu 15, jekk persuna mir-Renju Unit tagħmel ħames snin konsekuttivi barra mill-pajjiż li jkun qed jilqgħu.

Dan jgħodd ukoll għal dawk il-persuni mill-UE li jgħixu fir-Renju Unit. Fil-fatt il-Ftehim tal-Irtirar jisħaq illi “ċittadini tal-UE li ilhom, kontinwament u legalment, ħames snin jgħixu fir-Renju Unit sat-tmiem tal-perjodu ta’ implimentazzjoni għandhom dritt jgħixu permanentament ir-Renju Unit.”

Ir-regoli dwar familji li jerġgħu jingħaqdu flimkien se japplikaw biss qabel it-tmiem tat-tranżizzjoni u allura familja tista’ tagħmel dan sat-tmiem tat-tranżizzjoni proposta.

Id-data illi fiha l-Ftehim tal-Irtirar jesiġi li tispiċċa t-tranżizzjoni hija nhar il-31 ta’ Diċembru 2020.

Imma trid timla xi formoli?

Iva u hija probabilment din li se twassal biex ir-Renju Unit tikkontrolla aktar min dieħel fil-pajjiż.

Biex tgħix fir-Renju Unit wara t-30 ta’ Ġunju 2021, jgħid il-Ftehim, u jekk inti minn pajjiż fl-UE, pajjiżi tal-EEA jew l-Iżvizzera trid timla formola ta’ skema ta’ ‘settled’ u ‘pre-settled’ status.

U jekk jiena ħaddiem... x’jgħid il-ftehim?

Id-dokument jesiġi wkoll trattament ugwali għal dawk il-persuni mir-Renju Unit li jkunu jaħdmu f’pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Fost dawn hemm id-dritt li persuna ma ssirx diskriminazzjoni kontriha, dritt ta’ assistenza, dritt li jkun fil-kollettiv u aktar.

Apparti li jipproponi rikonoxximent għaċ-ċertifikazzjoni, dan il-Ftehim jipproteġi lil dawk il-ħaddiema mill-UE li jaħdmu fir-Renju Unit u jgħid illi dawn se jkollhom l-istess drittijiet u dak li huma intitolati għalih illum.

It-tikketta kummerċjali. Protetta jew le?

Drittijiet ta’ Proprjetà intelletwali, fosthom ‘trademarks’, mogħtija mill-UE jieqfu jingħataw u allura dan il-Ftehim qed jgħid illi r-Renju Unit tkun lesta li tagħti drittijiet nazzjonali, biex b’hekk ma jitilfu xejn mid-drittijiet tal-proprjetà tagħhom.

Sat-tmiem it-tranżizzjoni affarijiet fis-suq jistgħu jibqgħu jiċċirkolaw bejn ir-Renju Unit u l-UE.  

Ir-Renju Unit, għallinqas kif propost fil-Ftehim tal-Irtirar, għandu jibqa’ jipparteċipa fil-Baġit tal-Unjoni Ewropea fl-2019 u fl-2020.

F’dan il-perjodu jibqa’ wkoll igawdi mill-proġetti mill-istess Baġit tal-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern Ingliż iżda qed jinsisti illi biex jagħti sehmu finanzjarjament fl-2019 u fl-2020, ir-Renju Unit ma jħallas xejn li ma jirrikjedix il-fondi ta’ Stati Membri u li jkompli jirċievi l-benefiċċji finanzjarji li kieku baqa' membru kien jieħu sal-2020. Qed titlob ukoll, fil-Ftehim, li kwalunkwe ħlas isir biss fiż-żmien meta kien ippjanat li jsir u mhux qabel.

Imma mhux biss, ir-Renju Unit se jkun qiegħed jirċievi lura €3.5 biljun f’temp ta’ 12-il sena f’kapital imsejjaħ ‘paid-in capital’ jew il-flus li l-Bank Ċentrali tar-Renju Unit ħallas (kif iħallas kull bank ċentrali) lill-Bank Ċentrali Ewropew.

 

In separate Box

X’ġara s’issa...

  • F’Jannar 2013, l-eks PM Ingliż David Cameron, iwiegħed illi jekk jirbaħ l-elezzjoni l-Partit Konservattiv jerġa’ jinnegozja r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE u jmur għal referendum biex il-poplu jiddeċiedi jridx jibqa’ fl-UE jew jaċċettax termini ġodda tas-sħubija
  • Il-Konservattivi jirbħu u jibdew in-negozjati.
  • Wara negozjati intensivi, hekk kif kull pajjiż ma kienx lest jaċċetta li r-Renju Unit tingħata xi relazzjoni speċjali, Cameron jirnexxilu jikseb 27 firma tal-pajjiżi l-oħrajn tal-UE għal dak li kien qed jipproponi.
  • Jissejjaħ referendum għat-23 ta’ Ġunju 2016. Id-deċiżjoni hija bejn ‘Stay’ jew ‘Leave’. Maġġoranza assoluta ta’ 51.9% jivvutaw biex ir-Renju Unit jitlaq mill-UE. Cameron jirriżenja.
  • Fit-13 ta’ Lulju 2016 Theresa May tinħatar Prim Ministru
  • Fl-aħħar ta’ Marzu tas-sena l-oħra, ir-Renju Unit tinvoka Artiklu 50. Id-data skedata għal Brexit hija 29 ta’ Marzu 2019
  • F’Ġunju 2017, il-Partit Konservattiv jerġa’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali. Il-Ministru ta’ Brexit,David Davis, jibda n-negozjati
  • F’Lulju ta’ din is-sena Davis jirriżenja għax jgħid li l-Gvern Ingliż qed jagħti wisq lill-UE. Dominic Raab jeħodlu postu
  • Wara ħafna diskussjoni u sentejn wara r-referendum, kien konkluż il-Ftehim ta’ ‘Brexit’ (Withdrawal Agreement). Dan wassal għal bosta riżenji fil-kabinett, ta’ deputati li qed jgħidu li l-arranġament ma jagħmilx sens. L-akbar punt ta’ diżgwid kien dak dwar il-Ftehim Backstop
  • F’summit f’Diċembru, il-mexxejja kollha l-oħra tal-UE qablu li ma jistax ikun hemm aktar negozjati dwar it-termini tal-Ftehim tal-Irtirar
  • Nhar id-19 ta’ Jannar, fil-House of Commons, il-Ftehim ta’ May kien irriġettat b’432 vot kontra u 202 favur. Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien imbagħad poġġa mozzjoni ta’ sfiduċja quddiem il-Parlament, liema mozzjoni m’għaddhietx għal 19-il vot
  • May qalet li rċeviet assigurazzjonijiet legali fosthom li jipprevjenu milli l-Backstop ikun ftehim li jibqa’ b’mod definit

More in Barranin