Aħbarijiet | 02 ta’ Mejju 2010 • Nr 184
Fil-maġġoranza: it-tibdil tal-ħrieqi
u l-ħlas tal-kontijiet tieħu ħsiebhom
il-mara
Stħarriġ tal-gazzetta Illum juri li fejn jidħol it-tindif m’hemmx ugwaljanza.
75% wieġbu li hi l-mara li dejjem taħsel l-art.
66 % wieġbu li hi l-omm li dejjem tbiddel il-ħrieqi tat-tfal.
L-istħarriġ jikxef ukoll li fil-maġġoranza tal-familji hi l-mara li tieħu ħsieb il-ħlas tal-kontijiet.
James Debono
jdebono@mediatoday.com.mt
Stħarriġ tal-gazzetta Illum juri li x-xogħol tad-dar ftit li xejn qed jinqasam b’ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel. Dan joħroġ ċar mill-fatt li 75% wieġbu li hi l-mara li dejjem taħsel l-art u 66% wieġbu li hi l-omm li dejjem tbiddel il-ħrieqi tat-tfal.
Min-naħa l-oħra kienu biss 3% li wieġbu li l-ħasil tal-art hu responsibbiltà esklussiva tar-raġel waqt li 1% biss wieġbu li l-missier ibiddel il-ħrieqi waħdu.
Madankollu 22% wieġbu li fil-familja li jgħixu magħha kemm l-omm u kemm il-missier ibiddlu l-ħrieqi.
Fost dawk taħt l-34 sena dan il-persentaġġ jitla’ għal 31% — sinjal ċar li maż-żmien qed tiżdied l-ugwaljanza f’dan il-qasam.
Stħarriġ simili li sar fir-Renju Unit fl-2007 minn kumpanija tal-ħrieqi wera li kienu biss 25% tal-familji fejn din ir-responsabbiltà kienet maqsuma bejn il-mara u r-raġel.
Dan juri li f’dan il-qasam Malta mhix daqstant differenti minn pajjiżi oħrajn.
L-istħarriġ ta’ Illum juri wkoll li huma biss 11% li wieġbu li l-ħasil tal-art jinqasam bejn il-mara u r-raġel. Dan il-persentaġġ jitla’ għal 20% fost dawk taħt l-34 sena.
Interessanti l-fatt li 8% qed jirrikorru għal seftura biex jaħslu l-art tad-dar tagħhom. Waqt li fost dawk li għandhom ’il fuq minn 55 sena 13% jirrikorru għas-servizz ta’ seftura jew helper u fost dawk li għandhom inqas minn 34 sena huma 7% li għandhom seftura.
Interessanti wkoll li fil-maġġoranza tal-familji hi l-mara li tieħu ħsieb il-ħlas tal-kontijiet. Waqt li 45% wieġbu li l-mara li għandha din ir-responsabbiltà, kienu biss 37% li wieġbu li din kienet responsabbiltà tar-raġel jew il-missier.