Intervista | 02 ta’ Mejju 2010 • Nr 184
Il-frustrazzjoni li tara d-dinja tax-xogħol l-istess wara 20 sena
Fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa l-Eurobarometer ippubblika stħarriġ li wettaq fost il-pajjiżi membri f’Marzu li għadda. L-istatistika tidher xokkanti imma tirrifletti s-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha u l-mara fid-dinja tax-xogħol illum.
L-agħar tnejn probabbilment huma li 60 fil-mija tal-persuni intervistati ma jaqblux li l-missier għandu jibqa’ d-dar waqt li l-omm tmur taħdem u 68 fil-mija jħossu li hu normali li l-irġiel jagħmlu inqas xogħol fid-dar min-nisa.
Bħalma spjegat Dr Frances Camilleri-Cassar f’din l-intervista ftit li xejn inbidel matul iż-żmien minkejja l-ħafna policies u inċentivi li suppost ħarġu biex iħajru lin-nisa jersqu għad-dinja tax-xogħol jew biex jgħinu lil dawk li jixtiequ jerġgħu jidħlu fiha.
Camilleri-Cassar ilha tistudja u tirriċerka l-qasam tal-ugwaljanza fid-dinja tax-xogħol sa mill-1991 u ħarġet bosta studji dwarhom.
Nistaqsiha: għaliex dawn il-perċezzjonijiet għadhom hemm minkejja li l-ġenerazzjonijiet iż-żgħar telgħin f’mentalità differenti minn dik tal-ġenituri tagħhom? Il-mara ma tistax toħroġ mir-rwol imponut fuqha mis-soċjetà?
“Mill-istudji tiegħi li għamilt f’dawn l-aħħar 20 sena u l-pubblikazzjoni tal-ktieb – ‘Gender Equality in Maltese Social Policy?’ – skoprejt li l-politika soċjali li tirrigwardja x-xogħol aktar jinfurzawhom it-tradizzjonijiet konservattivi milli jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.
“Fis-settur pubbliku għandna l-possibbiltà ta’ sigħat imnaqqsa mix-xogħol fil-ġimgħa iżda fil-maġġoranza jiħduh in-nisa. L-istess jgħodd għal-leave tal-ġenituri minħabba l-fatt li hu trasferibbli bejn il-mara u r-raġel jekk it-tnejn jaħdmu fis-settur pubbliku. Barra minn hekk hu mingħajr ħlas.”
Skont il-policies tal-Gvern ġenitur fis-settur pubbliku jista’ jieħu sena leave tal-ġenituri bla ħlas jew inkella jieqaf mill-karriera sa sitt snin biex jieħu ħsieb lill-ulied. Naturalment dan hu bla ħlas ukoll. Fis-settur privat dan il-leave jista’ jittieħed għal tliet xhur bla ħlas u hu trasferibbli wkoll bejn il-ġenituri. Fiż-żewġ każi Camilleri-Cassar qalet li n-norma hi l-omm tieħu dan il-leave.
Żiedet tgħid, “Li mhux nindunaw hu li l-policies jitfasslu bil-ħsieb li l-mara tkompli r-rwol tradizzjonali tagħha fid-dar. Ftit li xejn jitfasslu policies li jġiegħlu lir-raġel ibiddel ir-rutina biex jakkomoda l-familja tiegħu. Int taħseb li raġel se jieħu sena jew tnejn leave tal-ġenituri mingħajr ma jitħallas? Iżda mara mistennija tagħmlu dan.
“Dan iż-żmien meta l-koppja, li t-tnejn li huma jridu jaħdmu biex ilaħħqu mal-ħajja, meta l-paga tar-raġel normalment hi ikbar, timmaġinah lill-missier joqgħod mingħajr il-paga tiegħu biex jibqa’ mat-tfal?” tistaqsi r-riċerkatriċi.
Issemmi ċ-ċentri ta’ child care f’pajjiżna.
“Dawn il-ħafna ċentri ta’ child care li suppost qed ifaqqsu kullimkien għadhom ftit wisq u għandhom sigħat limitati li ma jaqblux mal-ħinijiet tax-xogħol. Pereżempju mhumiex qegħdin hemm għal min jaħdem ta’ bil-lejl.
“Taparsi qegħdin noħorġu dawn il-ħafna policies biex jaġevolaw lin-nisa u lill-irġiel li jaħdmu meta fil-fatt għadhom mhumiex effettivi biżżejjed. Fl-aħħar mill-aħħar hi l-mara li jkollha toqgħod id-dar jew taħdem part-time,” tgħidli bi frustrazzjoni.
Għall-istudju tagħha r-riċerkatriċi staqsiet lil tfajliet li ħarġu mill-Università biex tara x’sar minnhom wara li lestew il-kors. Skopriet li ħafna jaħdmu part-time, bis-sigħat imnaqqsa jew waqqfu għal kollox minħabba l-familja.
“Fejn mar l-investiment kollu fl-edukazzjoni ta’ dawn in-nisa? Fil-fatt għandna l-inqas rata ta’ nisa fis-suq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea. Fuq naħa l-Gvern qed jgħid lin-nisa biex joħorġu jaħdmu għax hemm bżonnhom.
“Imma din għalxejn qed jgħidha għax is-sitwazzjoni fil-politka soċjali għal miżuri favur il-familja huma mraqqgħa, tant li għadna niddependu fuq arranġamenti mhux formali bħalma huma n-nanniet.
“Kif tista’ soċjetà tibqa’ tiddependi fuq in-nanniet biex trabbi l-ulied? Fejn hu t-tagħlim fit-tul għall-ħajja? Kif jistgħu n-nanniet ikomplu jistudjaw jekk iridu jżommu t-tarbija? Ma tistax dejjem tassumi li l-mara se ssib min joħdilha ħsieb lit-tfal.”
Fl-1991 Camilleri-Cassar kienet għamlet stħarriġ fost in-nisa li jaħdmu fil-fabbrika.
“In-nisa jitkellmu fuq ċentri ta’ child care imma għal ħaddieħor mhux għalihom. In-nisa Maltin għadhom iġorru dan is-sens ta’ ħtija għax imorru jaħdmu flok jibqgħu d-dar jieħdu ħsieb lit-tfal.
“Wara 20 sena kemm inbidlu l-affarijiet? Qabbel lil Malta ma’ pajjiżi oħra Ewropej u għandek ir-risposta. Kollox retorika. Ma naħsibx li qed ngħid ħażin,” kompliet toħroġ il-frustrazzjoni.
“Ir-rata tal-ħaddiema nisa għadha baxxa meta tqabbilha ma’ pajjiżi Nordiċi b’madwar 70 fil-mija tan-nisa li jaħdmu li hi l-istess rata tal-ħaddiema rġiel f’Malta.”
Kompliet titkellem dwar is-sens ta’ ħtija.
“Għal ħafna ġenituri Maltin iċ-ċentri ta’ child care għadhom mhumiex aċċettati. In-nanniet huma dawk li jikkalmaw ftit dan is-sens ta’ ħtija. Il-ħsieb tagħhom hu ‘li għallinqas qiegħed ma’ xi ħadd li naf’.”
Taħseb li għad hawn ċerta injoranza dwar il-pensjoni meta tara li għad hawn tant nisa li ma jaħdmux jew jaħdmu bla ktieb?
“Li mhux qed jirrealizzaw in-nisa hu li meta jibqgħu d-dar qed jiddependu kompletament fuq is-sieħeb tagħhom finanzjarjament. Fl-istudju tiegħi kelli każ ta’ tabiba miżżewġa tabib li waqfet taħdem fil-parental leave. Din mhux biss ma setgħetx tkompli tavvanza fl-istudji u fil-karriera tagħha imma l-agħar, u l-aktar ħaġa umiljanti li esperjenzat f’ħajjitha, kienet li ma kellhiex ċenteżmu f’idha u kellha titlob lil żewġha kull darba.”
Tenniet li din it-tabiba dejjem kienet indipendenti finanzjarjament bl-istipendju u bil-paga li taqla’ hi. Nikkummenta li donnha spiċċat bħal meta kienet tifla u tiddependi mill-pocket money li jagħtuha l-ġenituri.
Tkompli dwar il-pensjoni.
“Jekk ma jaħdmux se taffettwalhom il-pensjoni. Jibqgħu jiddependu fuq il-pensjoni tar-raġel u se jispiċċaw fir-riskju tal-povertà.”
Minbarra li jekk il-mara tormol il-pensjoni tagħha tkun ħafna iżgħar.
“Din id-dipendenza fuq ir-raġel ġejja wkoll mill-fatt għax ikunu miżżewġin. Dawn iż-żminijiet sar ikun hawn ħafna separazzjonijiet. X’garanzija għandha l-mara li żewġha mhux se jitlaq? Imbagħad x’se tagħmel? Tiddependi fuq il-benefiċċju tal-Istat jew mill-manteniment tiegħu? Id-dipendenza fl-adulti mhix sabiħa.”
Insemmilha li l-gazzetta MaltaToday kellha artiklu dwar in-numru ta’ studenti li jattendu f’kull fakultà. Skont l-istatistiċi li ħarġet l-Università kważi f’kull fakultà hemm dominanza ta’ studenti femminili ħlief għal ħamsa: ix-xjenza, l-IT, l-inġinerija, it-teoloġija u l-arkitettura. Jista’ jkun li qed juri li d-demografija tal-ħaddiema se tinbidel?
“Din ilha li n-nisa qed jgħaddu l-irġiel fl-Università. Imma ma tfisser xejn. X’qed jiġri wara li joħorġu biċ-ċertifikati rridu naraw. L-affarijiet baqgħu ma nbidlux anki jekk in-nisa żdiedu f’kull fakultà.
“X’investiment hu, staqsejt bejni u bejn ruħi, meta għall-istudju tiegħi intervistajt avukata li qiegħda d-dar tgħallem il-pjanu minħabba li għandha t-tfal?
“Anki l-qasam tal-inġinerija hu dominat mill-irġiel mhux biss fl-Università. Naf min spiċċa jgħallem il-matematika għax is-sigħat mhumiex kompatibbli mar-responsabbiltajiet tal-familja. Ħafna lmentaw li meta jaħdmu fil-fabbriki l-ħinijiet huma twal ħafna, ġieli mit-8am sad-9pm. Għalhekk ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-familja, id-dar u x-xogħol.”
Dwar jekk tħossx li l-Knisja, fis-sens wiesa’ tagħha, għadhiex timponi l-‘valur’ li l-mara postha d-dar, Camilleri-Cassar tweġibni:
“Għadha timponiha. Tinsiex li għad għandna relazzjoni qawwija bejn l-Istat u l-Knisja. L-Istat mhux se jagħmel xi ħaġa kontra li tgħid il-Knisja,” temmet tgħid Camilleri-Cassar.