Toni Abela | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175
Din l-istorja tissintesizza l-logħba politika. Elena hi l-poplu u Trojja l-Gvern. Il-Griegi dak il-Partit li jirbaħ il-Gvern. Iż-żiemel ta’ Trojja huma dawk il-wegħdiet elettorali li jsiru biex jingannaw u mhux biex jitwettqu. Xi ħaġa simili ġrat proprju fil-Greċja.
Sa nofs is-sena li għaddiet kien hemm il-Gvern Konservattiv ta’ Karamanlis. Rebaħ bl-għajta ta’ ħafna wegħdiet. F’kemm ili ngħidlek qata’ nifsu minkejja li għamel minn kollox biex iraqqa’ u jqasqas mill-kontijiet tal-pajjiż u minn jeddu reħa r-riedni tal-Gvern qabel iż-żmien.
Ovvjament tela’ l-Gvern Soċjalista ta’ George Papandreou. Iżda sab li Karamanlis ħalla warajh dejn nazzjonali muntanjuż. In-nies malajr nesew min għamel id-dejn u bdew iwaħħlu f’Papandreou u neżlin fit-toroq jipprotestaw.
Bl-għajnuna ta’ kumpaniji finanzjarji kbar Karamanlis irnexxilu jpitter kwadru sabiħ meta ma kienx. Il-Gvern Konservattiv daħak bil-Griegi u għal żmien twil anke bl-UE.
Ma jidhirx li f’pajjiżna għandna sitwazzjoni identika għal dik Griega, għalkemm hawn min jgħid li ’l hemm resqin. Mingħajr ma nirrepeti kif spara d-defiċit annwali ma nistax ma nsemmix id-dejn nazzjonali. Bħalissa qiegħed qrib €4 biljuni. Ta’ kull sena qed inħallsu imgħaxijiet ta’ €200 miljun fis-sena.
Forsi wieħed jgħid li bħalissa għal kulħadd ħażina. L-ewwel ħsieb hi r-riċessjoni globali. Din saret il-posambrella ta’ kull pajjiż li magħha l-politiċi fil-gvern idendlu l-problemi lkollha, anke dawk li m’għandhomx x’jaqsmu mar-riċessjoni. F’Malta qed jiġri l-istess.
Meta fl-1996 il-PL tela’ fil-Gvern Lino Spiteri ssorprenda ruħu b’dak li sab għax sab li d-dejn nazzjonali ma kienx dak li deher qabel l-elezzjoni. Niftakar lil John Dalli, fl-elezzjoni tal-1996, jagħmel Cabinet Memo, fejn allarma li s-sitwazzjoni finanzjarja ma kinitx sabiħa u kien hemm bżonn li jsir xi ħaġa.
Mhux minnu li s-sitwazzjoni tagħna llum hi kawża tar-riċessjoni. Mingħajr il-kriżi, din ma kinitx tkun wisq differenti minn tal-lum. Li d-dejn nazzjonali jikber u l-imgħaxijiet li nħallsu jfaqqsu huma karatteristiċi permanenti ta’ min qed imexxi l-pajjiż.
Dan kollu frott li m’għandhiex serraturi b’saħħithom biżżejjed biex jaċċertaw li dan ma jiġrix. Għandna Awditur tal-Verifika li suppost jishar fuq l-infiq tal-Gvern, iżda naħseb mhux biss mhux rispettat, iżda lanqas għandu l-għodda tajba biex jekk jilmaħ abbuż u jintervjeni fil-ħin biex iwaqqaf il-proċess.
Biex wieħed jintebaħ b’dan kulma għandu jagħmel hu jħares lejn ir-rapporti tal-Awditur. Ta’ kull sena mimli rakkonti ta’ abbużi finanzjarji, ħlasijiet magħmula bi ksur tal-Liġi u servizzi mogħtija mingħajr sejħiet pubbliċi. Ħlasijiet magħmula lil ditti jew nies mhux magħrufa u bla rċevuti tal-VAT. Infiq fi ħwejjeġ bla sens, l-aktar komuni biljetti tas-safar.
Mhux l-ewwel darba li l-Awditur kien attakkat li mhux jagħmel xogħlu sew. Każ klassiku kien l-infiq li għamel Richard Muscat meta kien imexxi ir-Radju Voice of The Mediterranean.
Fl-ewwel rapport tiegħu sab lirregolaritjiet fil-mod kif intefqu xi flejjes. Id-difensur ta’ Muscat, Austin Gatt, li bħala Ministru għandu l-obbligu jara li flus il-poplu jintefqu sew, skopra skappatura teknika li l-infiq ma kienx jaqa’ taħt ir-regolamenti tal-Gvern li jikkontrollaw l-infiq.
Flok qabeż għall-Awditur xlieh li m’għamilx xogħlu sew. Ftit wara ltqajt ma’ ħaddiem fl-Uffiċċju tal-Awditur tal-Verifika u qalli li kulħadd demoralizzat għax jaħdmu bil-biża’ li jekk jgħidu s-sewwa hemm ċans li jispiċċaw ibbumbardjati flok ippremjati.
Nemmen li għandu jkun hemm tibdiliet radikali fil-qasam tal-infiq pubbliku. Għandu jkollna stampa ċara tas-sitwazzjoni u mhux b’ħafna pagamenti jibqgħu fil-kexxun bl-iskuża li għadhom ma tħallsux. Li nassiguraw li ċ-ċifri tad-djun jinkludu wkoll dawk ta’ kumpaniji li fihom il-Gvern għandu maġġoranza tal-ishma. Li l-Awditur tal-Verifika tassew ikollu l-bibien miftuħin.
Għandu jkun hemm riforma radikali biex tassew inkunu nafu x’qed jiġri. Ma jagħmilx sens li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jittieħdu bil-maġġoranza tal-voti u li din dejjem tkun tal-Gvern.
L-investigazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi u miżmuma b’imparzjalità assoluta. Hawn fejn wieħed jista’ jiżviluppa x’għandu jkun ir-rwol tal-President tar-Repubblika u nikkunsidraw jekk għandux ikun hu li jinnomina lill-persuni biex jinvestigaw abbuż dwar infiq ta’ flus wara li jikkonsulta mal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Minbarra li għandu jkun hemm għodda effettiva f’idejn id-Direttur tal-Verifika biex jirrapporta u jintervjeni biex iwaqqaf abbużi meta jkollu suspett. Minbarra dan ikun id-Direttur tal-Verifika li b’mod effettiv jikkontrolla li dak li jiġi allokat lil kull ministeru fil-baġit ma jinqabiżx. Biex dan isir jeħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-Awditur.
Sa sitt xhur qabel elezzjoni ma jistax isir infiq staordinajru, ma jingħata ebda ngaġġ u lanqas isiru kampanji pubbliċitarji favur il-Gvern bħalma l-Ingliżi għandhom il-Prorogation Of Parliament Act. B’dan il-mod anke tnaqqas xi ftit mill-power of incumbency li jkollu l-partit fil-Gvern fuq il-partit fl-Oppożizzjoni.
|
|

Il-Ministru tas-Saħħa l-ġdid sfidat fuq il-kritika li qala’ mingħand sħabu stess
Editorijal




- Marie-Louise Coleiro-Preca
|
|
|