MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175

Bookmark and Share

Mal-100 nassab avviċinat mill-BirdLife Malta

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Kemm ilu li twaqqaf milli jsir l-insib f’pajjiżna f’Diċembru tal-2008 BirdLife Malta (BLM) bdiet taħdem biex toħloq iktar djalogu bejn il-konservazzjonisti u n-nassaba billi jiddiskutu diversi aspetti tal-insib u anke joffrulhom alternattivi għad-delizzju tagħhom.
Minn dak iż-żmien ’l hawn il-membri ta’ BLM iltaqgħu ma’ ’l fuq minn 100 nassab. Dan seta’ jseħħ grazzi għall-Proġett UE LIFE+ dwar il-passa tal-għasafar u l-insib.
Illum tkellmet ma’ Geoffrey Saliba, li hu l-Kap tal-Proġett, biex issir taf aktar dwar din il-ħidma u x’rispons kellhom s’issa minn nassaba.
“Bħalissa n-nassaba huma frustrati peress li attività li kienu ilhom jipprattikaw b’mod legali ma tistax tibqa’ ssir. Bħala parti minn dan il-proġett qed nitkellmu ma’ nassaba dwar il-liġi marbuta mal-insib, l-impatti tal-insib fuq in-natura u l-attivitajiet tan-nassaba.”
Żied jgħid li mil-laqgħat individwali li kellhom man-nassaba ħarġu l-alternattivi l-iktar ta’ interess għalihom.
“Indunajna li dawn huma l-istess li qed jipprattikaw l-eks-nassaba fejn l-insib twaqqaf fl-istati membri tal-UE.
“Il-feedback s’issa kien varjat ħafna. L-akbar interess li ntwera f’alternattivi għall-insib kien fit-trobbija tal-għasafar imrobbija fil-magħluq. Kważi daqsu hemm ir-ringing tal-għasafar u l-kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tal-għasafar tal-gaġeġ.”
F’Malta l-insib kellu jieqaf minħabba d-Direttiva tal-Għasafar tal-UE, li ma tippermettix l-insib għall-għasafar selvaġġi. Meta pajjiżna daħal fl-UE l-Gvern innegozja perjodu ta’ ħames snin fejn l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar kellu jitwaqqaf bil-mod. Dan intemm f’Diċembru 2008 u sal-lum l-ebda staġun tal-insib għall-għasafar tal-għana ma reġa’ fetaħ.
Saliba kompla jispjega li l-insib jikkonsisti f’ħafna attivitajiet differenti. In-nassab irid ilesti l-mansab għall-istaġun. Waqt l-insib josserva u jistudja l-imġiba tal-għasafar biex ikun jista’ jarma mansab li jiġbed għasafar selvaġġi. Hemm ukoll il-qbid tal-għasafar kif ukoll l-aspett tat-trobbija tagħhom. Ħafna minn dawn l-attivitajiet jistgħu jkomplu anke issa li l-insib għal tal-għana ma jistax isir.
“In-nassaba li jieħdu pjaċir irabbu l-għasafar tal-għana jistgħu minflok irabbu għasafar imrobbija fil-magħluq. B’dawn jistgħu anke jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali.
“Fil-fatt dan l-aħħar breeders Maltin rebħu b’għasafar tal-għana mrobbija fil-magħluq f’kompetizzjoni internazzjonali fil-Portugall. Dawk in-nassaba li jħobbu josservaw u jistudjaw l-imġiba tal-għasafar selvaġġi diġà qed jagħmlu l-birdwatching u jistgħu jkomplu josservaw l-għasafar u anke jieħdu sehem fi studji tal-għasafar selvaġġi.
“Nassaba li jridu jikkontribwixxu għall-istudju xjentifiku tal-għasafar jistgħu japplikaw għall-kors tar-ringing,” żied Saliba.
Il-kap tal-proġett sostna li dawn id-diversi aspetti tal-insib jistgħu jkomplu. Fil-fatt, f’membri stati tal-UE fejn l-insib twaqqaf, dawn huma l-attivitajiet li n-nassaba baqgħu jipprattikaw u li llum il-ġurnata huma kuntenti li jipprattikawhom minflok l-insib.
“Meta l-insib illegali jieqaf l-abitati li tħarbtu fuq l-imnasab jingħataw iċ-ċans jirkupraw. Din iż-żieda gradwali fl-abitati u l-ikel se jkollha wkoll impatt pożittiv fuq l-insetti, ir-rettili, l-għasafar u annimali oħra.
“L-għasafar tal-għana jkunu jistgħu bil-mod il-mod jiżdiedu fil-kampanja Maltija u anke jerġgħu jbejtu f’pajjiżna bħalma jagħmlu fil-gżejjer żgħar l-oħra taċ-ċentru tal-Mediterran. B’hekk il-bijodiversità tal-Gżejjer Maltin tista’ issir iktar sinjura għat-tgawdija ta’ kulħadd,” temm jgħid Saliba.

X’alternattivi hemm għan-nassaba
• trabbi l-għasafar li jkunu trabbew diġà fil-magħluq.
Il-Malta Cage Bird Association (http://mcbamalta.org) tista’ tgħin f’dan l-aspett kif ukoll għal min jitħajjar jipparteċipa f’kompetizzjonijiet.
• tistudja l-għasafar jew issir ringer. Il-BirdLife Malta (www.birdlifemalta.org) lesta tgħin f’dan il-qasam.
• tieħu r-ritratti tal-għasafar. F’dan il-każ hemm għaqdiet tal-fotografija
(http://www.maltaphotographicsociety.org).

 

 

Intervista
Quddiem eżami ferm akbar … tgħid jirnexxi?

Il-Ministru tas-Saħħa l-ġdid sfidat fuq il-kritika li qala’ mingħand sħabu stess




Terremot fuq il-Fosos



L-effett ta’ ekonomija żbaljata



Elena ta’ Trojja


Il-Punt - Marie-Louise Coleiro-Preca
Il-Greċja u Malta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan