MediaToday

Aħbarijiet | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175

Bookmark and Share

L-ewwel suwiċidju fil-ħabs fl-aħħar 10 snin għalkemm saru bosta attentati

Ma tinżammx statistika ta’ kemm saru attentati ta’ suwiċidju

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern ikkonferma li s-suwidiċju li kien hemm fil-Ħabs ta’ Kordin nhar it-Tlieta li għadda kien l-ewwel wieħed fl-aħħar 10 snin għalkemm għejjun qrib il-Ħabs fissru kif saru bosta tentattivi ta’ suwiċidju matul dan
iż-żmien.
Iżda din il-mewta ġġib magħha numru ta’ mistoqsijiet fosthom kif f’Diviżjoni suppost massima tħallew affarijiet li bihom sar suwiċidju.
Il-kelliem tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern ftaħar kif l-awtoritajiet tal-ħabs, bl-għajnuna ta’ professjonisti f’dan il-qasam, “dejjem għamlu kull sforz possibbli biex affarjiet bħal dawn ma jseħħux.
“Dawn l-isforzi se jibqgħu jsiru,” fisser il-kelliem tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern lil Illum.
Min-naħa tiegħu, Patri Mark Montebello, li jaħdem mill-qrib mal-priġunieri permezz tal-Għaqda mid-Dlam għad-Dawl (MDD), stqarr ma’ din il-gazzetta li s-suwiċidju tal-priġunier Ingliż Berry Charles Lee f’Diviżjoni 6 tal-Ħabs ta’ Kordin kien “l-ewwel suwiċidju mill-anqas f’dawn l-aħħar 17-il sena”.
Iżda dan ma jfissirx li ma kienx hemm attentati ta’ suwiċidju fil-Ħabs ta’ Kordin. Fil-fatt il-kelliem tal-Ministeru, meta mistoqsi jekk tinżammx statistika dwar l-attentati ta’ suwiċidju li fil-fatt saru fil-Ħabs ta’ Kordin matul is-snin, hu stqarr li “ma tinżammx” din it-tip ta’ statistika fil-Ħabs.
Mistoqsi dwar fejn kienu d-diviżjonijiet fejn saru l-aktar attentati ta’ suwiċidji fil-Ħabs u r-raġunijiet għaliex, Parti Montebello qal li “l-attentati u t-theddid ta’ suwiċidju jsiru f’kull parti tal-ħabs.
“L-aktar raġunijiet prevalenti jkunu li l-prigunier ikun xeba’ f’sitwazzjoni penali (fil-ħabs) u ġudizzjarja (Qorti, Pulizija u avukati) li donnha ma jkunx hemm tama jew soluzzjoni għaliha.
“Fi kliem ieħor il-priġunier jixba’ jiġi umiljat u ttrattat bħaż-żibel,” saħaq il-patri Dumnikan ma’ din il-gazzetta.
Mistoqsi minn Illum dwar x’passi konkreti kienu qed jieħdu l-awtoritajiet tal-Ħabs biex jipprevjenu s-suwiċidji, speċjalment fid-dawl tal-aħħar każ, il-kelliem għall-Ministeru fisser kif meta priġunier juri tendenzi li jista’ jweġġa’ lilu nnifsu, “jitneħħewlu l-affarijiet kollha li jista’ jweġġa’ lilu nnifsu bihom.
“Dawn tingħatalhom ukoll l-attenzjoni medika u psikjatrika meħtieġa,” żied jgħid il-kelliem.
Skont hu, “il-priġunier in kwistjoni ma kienx wera tendenzi simili.”
Iżda Patri Montebello stqarr li l-awtoritajiet tal-Ħabs huma aktar konċernati li jostru l-fatt li kien seħħ attentat serju ta’ suwiċidju fil-Ħabs milli ħaġ’ oħra.
“Sa fejn naf jien, meta jkun hemm attentat reali ta’ suwiċidju, l-awtoritajiet – minbarra li jibagħtu l-ħabsi Monte Karmeli – jippruvaw jaħbu kollox ħalli l-aħbar ma toħroġx mill-ħabs,” iddikjara l-Patri Montebello.
Mistoqsi jekk l-awtoritajiet tal-ħabs kinux se jibqgħu jużaw Diviżjoni Sitta fil-Ħabs ta’ Kordin bħala diviżjoni ta’ sigurtà massima fil-Ħabs minkejja li fl-2005 kienet ikkundannata f’rapport tal-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura tal-Kunsill tal-Ewropa, il-kelliem qal li din id-Diviżjoni se tibqa’ tintuża bħala diviżjoni ta’ sigurtà massima.
Fisser kif matul l-aħħar sena sar “ħafna xogħol ta’ restawr f’Diviżjoni 6 biex din tittella’ għal-livell ta’ diviżjonijiet oħra li hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin”.
Il-kelliem tenn li “ix-xogħol li sar jindirizza bosta mill-punti li kienu tqajmu fl-2005 mill-Kumitat imsemmi fil-mistoqsijiet tiegħek.”
Dan ifisser li Diviżjoni 6 “tista’ tibqa’ tintuża għall-iskop oriġinali tagħha, jiġifieri bħala diviżjoni ta’ siġurtà elevata,” stqarr il-kelliem.
Iżda skont Patri Montebello, Diviżjoni 6 hi “moħbija minn għajnejn kulħadd” fejn “l-ebda kontrolli minn barra, jiġifieri indipendenti mill-ħabs jew mill-awtoritajiet ċivili, ma jitħallew isiru fiha.
“Il-voluntiera ta’ Mid-Dlam għad-Dawl, ngħidu aħna, ma jitħallewx jidħlu f’din id-diviżjoni minkejja l-wegħdiet ripetuti
tad-Diretturi tal-Ħabs li dan l-aġir jinbidel.
Ħwejjeġ bħal lazzijiet, ċinturini u mezzi oħra li jistgħu jwasslu
għas-suwiċidju “mhux suppost jitħallew – wisq anqas lasti ta’ xkupi, kif kellu l-mibki Barry,” stqarr Fr Montebello ma’ Illum.

Il-każ ta’ suwiċidju fil-Ħabs

Berry Charles Lee ta’ 45 sena
mill-belt Ingliża ta’ Nottingham tgħallaq fiċ-ċella tiegħu f’Diviżjoni Sitta tal-Ħabs ta’ Kordin b’ċinturin u biċċa minn lasta ta’ xkupa.
Lee kien ilu jinżamm f’Diviżjoni 6 li hi d-diviżjoni ta’ sigurtà massima fil-Ħabs, għal dawn l-aħħar sitt xhur.
Jidher li l-katavru ta’ Lee nstab minn priġunieri oħra għall-ħabta
tas-2.30pm wara li ma rrispondiex
għall-fall-in tas-2.30pm kif mistenni.
L-aħħar kuntatt mal-gwardjani
fil-Ħabs kien fil-11.30am, meta ttieħed l-ikel fiċ-ċella tiegħu.
Meta fin-12.30pm saret spezzjoni oħra ħadd ma nduna li ma kienx
ħa l-ikel. Dan hu l-istess ħin meta hu maħsub li Lee għamel l-attentat ta’ suwiċidju.

 

 

Intervista
Quddiem eżami ferm akbar … tgħid jirnexxi?

Il-Ministru tas-Saħħa l-ġdid sfidat fuq il-kritika li qala’ mingħand sħabu stess




Terremot fuq il-Fosos



L-effett ta’ ekonomija żbaljata



Elena ta’ Trojja


Il-Punt - Marie-Louise Coleiro-Preca
Il-Greċja u Malta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan