Aħbarijiet | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Fis-27 ta’ Marzu l-Manikata, li tagħmel parti mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, se titħalla mingħajr elezzjoni għall-Kumitat Amministrattiv tagħha minkejja li għandha bosta fatturi li jiddistingwuha minn komunitajiet oħra fl-istess lokalità.
Id-deċiżjoni tal-Gvern ġabet l-għadab ta’ bosta persuni li qed isostnu li l-Manikata għandha numru ta’ karatteristiċi li bihom tikkwalifika biex ikollha elezzjoni tal-Kumitati Amministrattivi.
Ikkuntattjat minn Illum, Clayton Bartolo, uffiċjal taż-żgħażagħ fi ħdan il-Kumitat Laburista u l-Kunsilliera Laburisti tal-Mellieħa, wera d-diżappunt tiegħu għad-deċiżjoni tal-Gvern.
“Nemmnu li l-Manikata ħaqqha Kumitat Amministrattiv biex tkun tista’ tkompli tavvanza u tgawdi.
“Ma nistgħux nifhmu għaliex il-Manikata ma ngħatatx Kumitat Amministrattiv meta hemm postijiet oħrajn, uħud minnhom iżgħar mill-Manikata, li ngħataw Kumitat,” żied jgħid Bartolo.
Fisser kif fost l-opportunitajiet li l-Manikata se tkun qed titlef b’din id-deċiżjoni tal-Gvern hemm bosta skemi ta’ għajnuna finanzjarja mill-Gvern kif ukoll proġetti b’fondi tal-Unjoni Ewropea.”
Fost il-karatteristiċi uniċi li jiddistingwu lill-Manikata hemm il-Parroċċa dedikata lil San Ġużepp kif ukoll il-Park tal-Majjistral li għandu parti kbira mill-konfini tiegħu ma’ dawn l-istess inħawi.
Il-Manikata hi wkoll ċentru ta’ kummerċ għal diversi bdiewa li għandhom ir-raba’ tagħhom fil-madwar. Il-Kumitat Lokali Laburista jsemmi l-Koperattiva Rurali Manikata, li qed tagħmel xogħol siewi mal-bdiewa kif ukoll fil-qasam tal-agroturiżmu.
Il-Kumitat Lokali Laburista flimkien mal-Kunsilliera Laburisti Melliħin “iħeġġu lill-awtoritajiet konċernati biex iżidu lill-Manikata f’dan l-ewwel grupp ta’ kumitati amministrattivi.”
Iżda minkejja d-diżappunt li qed jgħid li hemm fil-Manikata, Bartolo kkonferma li ma sarx ilment mas-Segretarju Parlamentari Chris Said, responsabbli mill-Gvern Lokali.
Iż-żagħżugħ jiġbed l-attenzjoni għal aktar anomaliji fis-sistema li ħaddem il-Gvern biex jintagħżlu l-lokalitajiet għal dawn l-elezzjonijiet.
“Hemm postijiet oħrajn li ma ngħatawx Kumitat Amministrattiv u li huma ferm ikbar mill-Manikata wkoll, bħall-Qawra u Buġibba”.
Bartolo ilmenta li matul l-aħħar sentejn taħt maġġoranza Nazzjonalista il-Manikata ma gawdiet “mill-ebda forma ta’ proġett kapitali”.
Min-naħa l-oħra, taħt Kunsill Lokali preċedenti mmexxi minn maġġoranza Laburista, “saru t-toroq bit-tarmak kif ukoll ġnien għall-familja bl-isem ta’ ‘Ġnien iż-Żerniq’ li jinsab eżattament quddiem il-Knisja,” temm jgħid Bartolo lil Illum.
Xaqq ta’ dawl għar-residenti tal-Manikata li jkollhom Kumitat Ammistrattiv
Mistoqsi fuq liema kriterji ntagħżlu l-lokalitajiet li fihom saru l-Kumitati Amministrattivi, jekk kinux kriterji oġġettivi jew kriterji politiċi, u jekk setax jippubblikahom, kelliem għad-Dipartment tal-Gvern Lokali fisser li l-lokalitajiet li se jkollhom Kumitati Amministrattivi f’dan l-istadju “ġew stabbiliti fuq żewġ kriterji:
“Dawk li kienu diġà inklużi fid-disa’ skeda tal-Att sa mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali 16-il sena ilu u oħrajn li r-residenti tagħhom, b’mod kollettiv, għamlu rappreżentazzjonijiet waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni.”
Mistoqsi minn Illum jekk il-Gvern kienx se jagħti Kumitat Amministrattiv lill-Manikata l-kelliem għad-Dipartiment stqarr kif “Artiklu 47A jistabbilixxi wkoll proċess li jista’ jiġi segwit jekk residenti ta’ lokalitajiet oħra jħossu li għandu jkollhom Kumitat Amministrattiv għal-lokalità żgħira tagħhom.”
L-Elezzjoni fis-27 ta’ Marzu 2010 se ssir fi
Fleur De Lys (Birkirkara), Bubaqra
(Iż-Żurrieq), Kappara (San Ġwann),
Madliena (Is-Swieqi), Paceville (San Ġiljan), Santa Luċija (Kerċem),
Xlendi (Munxar), Marsalforn (Żebbuġ)
Elezzjoni fir-Rebbiegħa 2010
Gwardamanġa (Pietà), Swatar (Birkirkara u l-Imsida), Baħrija
(Ir-Rabat), Baħar iċ-Ċagħaq
(In-Naxxar), St Peter’s (Ħaż-Żabbar), Tal-Virtù (Ir-Rabat), Burmarrad (San Pawl il-Baħar), Ħal Farruġ (Ħal Luqa)