Aħbarijiet | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175
David Darmanin
ddarmanin@mediatoday.com.mt
Karol Aquilina, il-Viċi Sindku tas-Siġġiewi, ilbieraħ ħa inizjattiva waħdu biex jiddefendi r-residenti ta’ naħa fis-Siġġiewi, fejn barriera fil-viċin allegatament mhix topera b’mod konformi mal-Liġi.
Aquilina stqarr li dan s-sit ta’ 4,700m2 qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti minħabba trabijiet, ħsejjes u ħinijiet tal-operat tal-barriera li jmorru kontra l-Liġi.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Aquilina żvela kif Philip Mifsud kien il-perit tal-barriera. Mifsud, hu kandidat Nazzjonalista ieħor fuq l-istess distrett elettorali li fih joħroġ il-Viċi Sindku.
“Waqt li nirrikonoxxi u nappoġġa l-inizjattiva tal-iżviluppatur li jagħmel l-aħjar użu mill-blat li jinsab fis-sit …il-mod kif dan qed isir hu kundannabbli u għalhekk għandha tittieħed l-azzjoni meħtieġa,” sostna Aquilina.
L-uniku kunsillier preżenti għall-konferenza, barra Aquilina, kien Joe Sammut, li skont il-Viċi Sindku “inzerta kien hemmhekk”, għax l-attività kienet meħudha b’inizjattiva tiegħu personali u mhux tal-Kunsill.
Is-Sindku Robert Musumeci ma kienx ċar meta l-gazzetta Illum staqsietu jekk l-avveniment sabx l-appoġġ tal-kunsill, u jekk stenniex li jiġi mistieden jattendi jew jindirizza l-avveniment.
“Din il-kwistjoni ġiet diskussa mill-Kunsill f’Novembru li għadda b’riżultat ta’ kunsens ġenerali fuq x’għandu jsir,” qal is-Sindku. “Kull azzjoni sussegwenti ttieħdet minn din il-lenti.”
Wisq probabbli Musumeci kien qed jitkellem fuq riżoluzzjoni tal-Kunsill magħmula minn Aquilina u ssekondata mill-istess Joe Sammut li ‘nzerta’ kien hemm waqt il-konferenza stampa tal-bieraħ.
Il-Kunsill dakinhar iddiskuta l-possibbiltà li jiġbdu l-attenzjoni tal-MEPA u tal-Prim Ministru fuq l-inkwiet tar-residenti minħabba din il-barriera.
Meta ġie mistoqsi għaliex ħadem waħdu flok mal-kunsill il-Viċi Sindku qal “għall-ebda raġuni partikolari.”
Waqt il-konferenza stampa hu qal li bħala Viċi Sindku jħoss li hu d-dmir u l-obbligu tiegħu li jintervjeni u jsemma’ leħnu kull meta xi żvilupp fis-Siġġiewi jkun ta’ detriment għar-residenti.
Hu qal li ammont kbir ta’ trab qiegħed jitħalla jtir fil-beraħ b’mod kontinwu u qed jispiċċa fir-residenzi fil-viċin u fit-toroq tal-madwar bi ħsara kbira għas-saħħa tal-pubbliku; li s-sit qed jikkawża storbju eċċessiv għal sigħat twal matul il-ġurnata u li ġej mill-użu ta’ makkinarju għall-qtugħ tal-ġebel li s-soltu jintuża fil-barrieri li jkunu jinsabu ’l bogħod mill-abitat u li l-barriera qed topera f’ħinijiet meta skont il-Liġi mhux suppost isir xogħol f’dan is-sit.