Aħbarijiet | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175
Dolores Cristina mhux se tagħmel investigazzjoni għax
l-Avukat Ġenerali qed iserraħ fuq li qalet Daphne
Il-Ministru Dolores Cristina, responsabbli mill-istazzjon nazzjonali l-PBS, mhix lesta li tagħmel investigazzjoni biex tistabbilixxi kif mistoqsijiet li ntbagħtu minn Illum
lill-PBS u lill-Ministeru tagħha, fi spazju ta’ ftit ħin twasslu minn taħt lil Daphne Caruana Galizia, li ħolqot storja bihom fuq il-blog tagħha.
Ġimgħa ilu l-Ministru Cristina ntalbet biex tinvestiga dwar min għadda minn taħt dan it-tagħrif lill-opinjonista.
Bħal-lum ġimgħa l-Ministru qalet li se tieħu parir tal-Avukat Ġenerali Dr Silvio Camilleri dwar dan il-każ.
Il-Ġimgħa filgħodu l-Ministru nfurmat lil din il-gazzetta li l-Avukat Ġenerali qalilha li “ra l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia.”
Skont hu “mill-blog jirriżulta li l-awtriċi (Caruana Galizia) diġà identifikat is-sors tagħha bħala xi ħadd mill-MediaToday u ma hemm l-ebda indikazzjoni bil-maqlub.”
Dan ifisser li anke jekk ma għamel l-ebda investigazzjoni biex jistabbilixxi l-fatti veri, l-Avukat Ġenerali qed iqis dak li qalet Caruana Galizia bħala vanġelu.
Fit-tweġiba tiegħu lill-Ministru Cristina l-Avukat Ġenerali ta l-parir li “fiċ-ċirkostanzi, kull investigazzjoni ma tantx jidher li tagħti riżultati, u għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, m’hemmx kawża suffiċenti li tiġġustifika aktar investigazzjonijiet.”
Eżatt malli rċeviet din it-tweġiba mill-Ministru Cristina, din il-gazzetta għaddiet tagħrif ġdid lill-Ministru u lill-Avukat Ġenerali, li jikkonferma li dak li kitbet Daphne Caruana Galizia qatt ma jista’ jkun minnu.
Dan għaliex mill-ħin li ntbagħtu l-mistoqsijiet lill-PBS u lill-Ministeru sal-ħin li l-artikolista tellgħet l-istorja fuq il-blog, l-ebda ġurnalist tal-MediaToday ma kien fil-bini tal-kumpanija għajr tlieta.
Dan ifisser li l-maġġoranza tal-ħaddiema kienu barra u ħadd minnhom ma kien jaf li ntbagħtu xi mistoqsijiet lill-PBS.
Il-ġurnalisti li kienu fil-bini tal-kumpanija kienu qed jattendu għal laqgħa li matulha ma kien hemm l-ebda telefon ċellulari jew mezz ieħor ta’ komunikazzjoni u jikkonfermaw li qatt ma setgħu jagħmlu kuntatt mad-dinja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fl-istess ħin l-Editur ta’ din il-gazzetta Julia Farrugia kienet qed taħdem fuq funeral ta’ membru tal-familja tagħha.
Dan ifisser li Caruana Galizia gidbet meta qalgħet li taf bil-mistoqsijiet li rċieva l-PBS għaliex kellimha xi ħadd mill-ġurnalisti tal-MediaToday.
Se jsir affidavit mill-ġurnalisti tal-Mediatoday dwar dan il-każ. Taħt ġurament, il-ġurnalisti kollha se jgiddbu l-istorja vvintata tal-artikolista Caruana Galizia.
Wara li ngħatat dan
it-tagħrif ġdid il-Ministru Cristina baqgħet s’issa ma weġbitx dwar jekk hux se tinfetaħ jew le investigazzjoni fil-PBS jew fil-Ministeru tagħha.