Aħbarijiet | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Il-Gvern Malti m’għandu l-ebda ħsieb li jibgħat suldati jew pulizija Maltin f’Haiti bħala parti minn forza Ewropea li se tintbagħat fiż-żona tat-terremot wara li l-Gvernijiet tal-Istati Membri qablu fil-prinċipju ma’ din il-proposta.
Mistoqsi dwar x’kienet il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-possibbiltà li jintbagħtu suldati jew pulizija Maltin f’Haiti u jekk il-Gvern Malti kienx jaqbel li jintbagħtu jew le u għaliex, il-kelliem tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin wieġeb: “Qatt ma kien hemm diskussjonijiet dwar il-possibbiltà li xi suldati jew pulizija Maltin imorru f’Haiti.”
Madankollu l-kelliem tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ma weġibx għall-mistoqsijiet dwar jekk il-materja kinitx ġiet diskussa fuq livell ta’ Kabinett tal-Ministri jew jekk minflok ittiħditx deċiżjoni fuq livell dipartimentali jew ministerjali u jekk kienet deċiża fuq livell ta’ Kabinett biex jagħti d-data meta ttieħdet id-deċiżjoni u l-eżitu ta’ dik id-deċiżjoni.
Il-kelliem tal-Ministeru tal-Affarijet Barranin fisser kif Malta kienet diġà tat kontribuzzjoni finanzjarja u anke prodotti lil Haiti, “valur li jaqbeż il-€200,000.”
Fil-11 ta’ Frar 2010 il-mexxejja tal-UE qablu fil-prinċipju li jaċċettaw talba tal-Gnus Magħquda (GM) u l-Gvern ta’ Haiti biex suldati Ewropej jintbagħtu f’Haiti biex jgħinu lill-mijiet ta’ eluf ta’ nies li tħallew bla saqaf fit-terremot tax-xahar li għadda.
José Luis Rodriguez Zapatero, il-Prim Ministu Spanjol, kien stqarr fi tmiem il-laqgħa għolja tal-mexxejja tas-27 Stat Membru fl-UE li dawn il-mexxejja kienu “laqgħu pjuttost tajjeb” il-proposta mressqa minn Catherine Ashton, il-Kap tal-Politka Barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni biex huma jibagħtu suldati fiż-żona.
Zapatero, li bħalissa għandu l-Presidenza ta’ kull sitt xhur tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE, ma ta l-ebda indikazzjoni dwar l-għadd ta’ truppi li se jintbagħtu u meta. Minn naħa tagħha Ashton lanqas tat figuri fi stqarrija ppreżentata lill-ġurnalisti.
Is-suldati Ewropej se jkunu qed joperaw taħt il-bnadar rispettivi tagħhom biex jassistu l-ħidma ta’ għajnuna aktar milli bħala parti minn forza waħda Ewropea.
“In-nies li jieħdu ħsieb l-ippjanar militari fl-uffiċċju ta’ Ashton issa qed jistennew lill-Istati Membri biex jiġu ’l quddiem bl-assi li huma lesti li jipprovdu,” saħqu rapporti awtorevoli fl-Istampa Ewropea.
Il-koordinazzjoni bejn il-forzi differenti kienet se tibqa’ fi ħdan grupp żgħir ta’ nies mill-UE f’Port-au-Prince.
L-għan tal-missjoni tal-forzi militari mill-Istati Membri tal-UE fil-Haiti hu li jipprovdu saqaf qabel ma jasal l-istaġun tax-xita li se jibda madwar xahrejn oħra.
Sorsi diplomatiċi ssuġġerew li din il-missjoni se ikollha bżonn mezz ta’ trasport bl-ajru kif ukoll truppi fuq l-art biex tirnexxi. Din il-missjoni essenzjalment se tibni bliet bit-tined biex jakkomodaw li dawk li bħalissa jinsabu bla saqaf.
Il-pajjiżi li se jipprovdu għajnuna lil Haiti mistennja jiltaqgħu fi New York ix-xahar id-dieħel biex jiddiskutu l-għoti ta’ aktar għajnuna.