MediaToday

Sport | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175

Bookmark and Share

Il-ħajja ta’ amministratur professjonali

Jitkellem l-iktar President veteran fil-futbol Malti

Mark Attard

Ippjanajt biex nagħmel ftit ħin titkellem ma’ Paul Falzon, President ta’ St. Andrew’s, iżda l-karattru tal-persuna żammni nkullat mas-siġġu ta’ quddiemu għal ftit ħin mhux ħażin. Meta l-persuna jkun fil-muża li jirrakkonta l-ġrajjiet tal-passat iħallilek effetti li jew tieħdu bis-serjetà u allura jbikkik, jew inkella bl-esperjenzi tiegħu tidħak b’tali mod li ma tkunx tista’ tieqaf.
Iżda meta nkellmu fuq il-mod kif il-klabb tiegħu ġie stmat mill-Malta Football Association minħabba l-fatt li Viċi President miegħu għandu lil Norman Darmanin Demajo jisserja mhux ftit, anzi żżejjed. Fih bħal donnu toħroġ dik ir-rabja li għadu ma jistax jifhem għal-liema raġuni qeda taħkmu fil-preżent.
“Kulħadd jaf x’ġara. Jien li ma nistax nifhem hi kif bniedem jiġi aċċettat f’Kumitat u jiġi aċċettat mill-MFA li tajjeb għal dak il-Kumitat u mbagħad il-klabb jipproponi biex l-istess bniedem li diġà hu approvat mill-Kamra jkun it-tieni delegat tiegħu u tingħatalna risposta li l-bniedem mhux denn li jkun delegat. Allura, jekk mhux denn li jkun delegat, għalfejn ma ordnawlix biex inkeċċih mill-Kumitat?
“Ħadniha ħażin ħafna bħala klabb l-iktar għax anqas ċans nitkellmu ma ngħatajna. Tlajna għall-appell u qgħadna nisimgħu qanpiena waħda biss. Fil-Qorti min hu ħati ta’ reat kriminali jkollu d-dritt li jitkellem u jiddefendi ruħu b’Avukat iżda fl-MFA m’hemmx id-dritt li persuna titkellem biex tiddefendi ruħa anki jekk kienet diġà approvata mill-kamra. M’hemm demokrazija ta’ xejn.”
Falzon jagħtini ftit eżempji l-għala jara lok għall-bidliet kbar fl-MFA u fl-istruttura tal-futbol Malti. Jemmen li l-elezzjoni ta’ Lulju li ġej mhux biss kwistjoni bejn persuna u oħra iżda l-polza tal-vot se tfisser ukoll id-destin ta’ ħafna klabbs, jekk iridux ikomplu jegħrqu u possibbilment jagħlqu bil-mod kif sejrin l-affarijiet bħalissa.
“Bidla bilfors trid issir. Ma jistax ikun nibqgħu sejrin hekk. M’hemm xejn tajjeb. Ibda mit-taħwid tal-fixtures tal-YFA sal-materji ta’ fejn jikkonċernaw it-top klabbs ta’ Malta. Ħu mit-taħwid tal-grawnds. Eżempju, l-Mellieħa għandhom grawnd ġdid. Kieku int, il-logħba bejn Għawdex kontra l-Mellieħa fejn tiddeċiedi li jilagħbuha?
Jien nirrispondi, “Mhux fil-grawnd il-ġdid tal-Mellieħa?”
Falzon ikompli, “Dawn l-appuntament tagħhom kien hawn il-grawnd ta’ St. Andrew’s. Minflok jitilgħu tela’ jaqsmu pajjiż. L-MFA bħalissa qed titmexxa qisha klabb ieħor. Għandna l-missier sinjur u t-tfal fqar. Jien nippreferi li t-tfal ikunu sinjuri u jien inkun fqir. Għad hemm affarijiet li kien għamilhom George Abela fiż-żmien meta kien President u li dak iż-żmien kienu tajbin iżda llum m’għadhomx jagħmlu sens.”
Jien ngħidlu li jekk issir il-bidla, l-ikbar probabbiltà tkun li se jitlef l-id ta’ Norman Darmanin Demajo li bilfors ikollu jirriżenja mill-klabb li bnew flimkien.
“Naħseb li Norman fl-MFA ikun eżatt kif kien hawnhekk. Żgur li se jsib l-aħjar nies possibbli li jistgħu jaħdmu miegħu fl-MFA. Li hu żgur hu li mhux se jagħmel kollox waħdu u jiddeċiedi biss dak li jrid hu. Nassigurak li mhux it-tip. Żgur li se jagħti l-libertà lil kulħadd li jaħdem. Ma tistax tkun one-man f’Assoċjazzjoni kbira bħall-MFA. U minbarra hekk jekk tkun hekk dawk li jaħdmu miegħek ma jħossuhomx komdu. Tkellem ma’ kważi l-impjegati kollha tal-MFA u ara jekk hux kollha mdejqin bis-sitwazzjoni.
“Importanti ħafna li ssir il-bidla. Tant kemm drajna li mill-futbol f’Malta ma tieħu xejn li daħlet ċerta apatija fil-logħba Maltija. Jien nemmen verament li l-viżjoni ta’ Norman se twassal biex il-klabbs lokali jilagħbu fuq bażi ta’ home u away biex il-flus mill-gate money jibdew idaħluhom huma stess.
“Jien ma nistħix ngħid u kburi li kont wieħed minn dawk li nkoraġġejt u mbuttajt lil Darmanin Demajo tliet snin ilu biex joħroġ għall-President. Jien inħares lejn il-Presidenti antiki li kellna Malta fil-klabbs tal-futbol. Ara kollha minn fejn bdew u kollha kif spiċċaw. Din li min jidħol fil-futbol Malti Malti dieħel biex jonfoq il-flus trid tispiċċa.”
Paul Falzon twieled fit-2 ta’ Mejju 1947. Joqgħod il-Gudja u f’ħajtu kien plejer tal-futbol ma’ Sliema u Valletta u kien gowlkiper tal-waterpolo ma’ Sirens, Neptunes, Valletta u t-tim nazzjonali Malti.
‘Il bogħod minn entertainer kwalifikat li kapaċi jżomm l-attenzjoni fuqu għal ħafna ħin waqt xi ikla bejn il-ħbieb, ir-raġel għamel affarijiet kbar, anzi kbar ħafna fil-futbol Malti l-iktar fejn jidħol il-klabb ta’ St. Andrew’s, u proġett ieħor kreattiv sar fi Bradford l-Ingilterra bi klabb ieħor ta’ St. Andrew’s meta għamel xi żmien jgħux hemmhekk.
Jekk xejn Pawlu hu l-iktar persuna li saddad fuq is-siġġu ta’ Presidenza ta’ klabb Malti. Fl-1968 kien infetaħ il-klabb ta’ Luxol Sports Club u kien dakinhar li ħa t-tmexxija f’idejh ta’ dan il-klabb hekk kif iddeċieda li l-karriera tiegħu fil-waterpolo spiċċat darba għal dejjem.
Miegħi jisħaq li fil-futbol mhux m’hawnx flus iżda m’hawnx biżżejjed nies kapaċi li jamministraw. Jirrakkuntali fil-qasir kif minn tlett ikmamar żdingati li ħallew warajhom l-Ingliżi meta telqu minn pajjiżna fl-1979, għamlu proġetti l-ġmiel tagħhom li llum jippremjawhom bl-aqwa u l-ikbar nursery ta’ Malta li tilqa’ fiha aktar minn 550 tifel.
“Flus hawn u jinħlew jew ma jintużawx sew. Li m’hawnx min jamministra. Hawnhekk għall-grazzja ta’ Alla għandi miegħi lil Norman Darmanin Demajo li hawn ġew daħħalna mentalità li mmexxuh bħala negozju. Mhux biex naqilgħu l-flus aħna, iżda biex il-flus li naqilgħu nerġgħu nitfgħuhom fil-klabb. Ma tistax taqla’ €100 u tonfoq €400. Il-professjonaliżmu jibda mill-infrastruttura.
“Il-ħolma ta’ Luxol bdiet meta darba kont id-dar ta’ Gwardamangia fil-bitħa. Kont għadni kemm niżżewweġ. Xi 6.30pm ħabbat il-bieb. Daħlu ħija u Norman u staqsewni biex nagħmlu klabb u biex noqgħod President. Għamilna l-ewwel laqgħa f’garaxx ta’ ħabib tagħna f’Ta’ Sliema. Minn dakinhar ma ħarisniex lura u llum nafu fejn wasalna. Peress li nżomm mal-Fiorentina għamilt l-ewwel settijiet tal-flokkijiet b’kulur vjola. Iktar tard konna ġibna sett tagħhom minn Firenze wkoll. Qabel l-1985 konna niġru kullimkien għax ma kellniex post. L-isem tal-Luxol ġibnieh minn ditta taż-żebgħa li kien hemm l-Ingilterra u li l-familja tiegħi kienet timporta Malta. Dik id-ditta spiċċat darba għal dejjem iżda dan il-klabb se jibqa’ għal dejjem.
“Fl-1979 kienu telqu minn Malta s-Servizzi Ingliżi u jien inzertajt ħabib sew tal-Ministru Karmenu Vella, ‘il-guy.’ Konna sibna dan il-post fejn qegħdin illum bis-saħħa tal-Ministri Karmenu Vella u Guże’ Cassar. Kienu tawhulna mill-ewwel hekk kif għaddiet mill-Parlament. Konna wkoll applikajna biex nidħlu fl-MFA bħala Luxol u kienu qalulna li l-isem irid ikun St. Andrew’s għax Luxol ma jeżisti mkien. Kienu għamlulna kundizzjoni li f’qasir żmien ried ikollna bilfors il-bini tagħna.
“Għall-bidu konna kulħadd iħokk rasu u ma nafux kif se nibdew. Hawnhekk ma kellna xejn u fil-bidu konna ħriġna balla liri jien u Norman. Bdejna mill-affarijiet bażiċi u ħaġa bdiet iġġib l-oħra sakemm kbirna ftit ftit.
“Kien Norman Darmanin Demajo li ġietu f’moħħu l-idea tal-5-a-side pitches f’Malta. Aħna bħala St. Andrew’s konna l-ewwel nies li għamilna l-ewwel pitch ta’ dan it-tip. Minn wieħed għamilna tnejn u llum għandna ħamsa. Iżda llum bis-saħħa tal-idea tagħna hawn minn dawn il-pitches kulfejn iddur f’Malta.”
Inkellmu fuq dawn l-aħħar snin u kif irnexxilu jiżviluppa klabb b’dan il-mod. L-arja friska li hemm iġġegħelek tħossok rilassat għall-aħħar bil-ħdura li jkollok fil-madwar. Nistaqsih kif jista’ jkun li waslu s’hawn minn klabb li fl-istorja tiegħu kollha taqta’ għal ftit żmien lagħab dejjem f’diviżjonijiet inferjuri.
“Bin-nies tajba. Il-klabbs iridu jdaħħluha f’moħħom biex ikunu business minded. Mhux biżżejjed li tiltaqa’ filgħaxija u tagħmel il-laqgħat u xi tombla. Aħna dejjem investejna f’nies tajba. Jekk per eżempju f’Direttur Tekniku għandna lil Pippo Psaila. Jekk għandna kowċis ġibna lil Gencho Dobrev, Joe Attard, Norman Buttigieg, John Bonello u Ronnie Cocks. Kellna amministratur tajjeb ħafna f’Mario Borg li llum m’għadux magħna.
“L-agħar ħaġa li hawn Malta hi li n-nies li jridu jimxu ’l quddiem ma jistaqsux għall-pariri tajbin. Jien ngħid li r-rivalità għandha tkun f’dawk id-90 minuta. Il-bqija ejjew inpoġġu flimkien ħa niddiskutu għall-ġid tal-klabbs u tal-futbol Malti.”
Falzon jiżvela miegħi li St. Andrew’s hu wieħed mill-uniku klabbs fit-Tieni Diviżjoni li ma jħallasx il-plejers tiegħu. Jgħidli li s-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna ma tippermettilekx tagħmel dan u sakemm il-klabb ma jkunx f’pożizzjoni li jista’ jħallas il-plejers mingħajr ma jinħarġu l-flus minn ġewwa tal-individwi li jmexxuh, żgur li se jibqgħu għaddejjin b’din it-triq.
“Hawnhekk fuq plejers m’għandi pagi ta’ xejn. Jitħallsu l-kowċis biss. Probabbli anki jekk nitilgħu fl-Ewwel Diviżjoni se jibqgħu ma jitħallsux. Sakemm il-logħba ma tibdiex idawwar il-kummerċ waħedha ma nistgħux nissugraw li nħallsu u nitkissru. Meta l-futbol jibda jħalli l-qligħ nibdew inħallsu l-plejers ukoll.
“Klabbs oħra jħallsu għax ikun hemm sugar daddy li jista’. Hawnhekk is-sugar daddy hu l-klabb stess. Jien nammetti li kieku għalija ma kienx Darmanin Demajo kont nibqa’ nħallas pagi u flejjes sal-lum għax meta titla’ Premier tibda tħossok tajjeb. Illum vera li l-klabbs kollha forsi jħallsu xi ħaġa lill-plejers u aħna le iżda l-klabbs l-oħra m’għandhomx l-infrastruttura tagħna. Aħna preferejna nonfqu l-flus hekk u llum qed ingawdu dan kollu.”
Nitkellmu fuq l-istaġun eċċellenti li qed jagħmlu s’issa St. Andrew’s. Jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika tat-Tieni Diviżjoni u għadhom bla telfa minn staġun li qed jitqies bħala l-aqwa wieħed minn dawn l-aħħar snin.
“Aħna ninżlu dejjem biex nirbħu. Din is-sena jidher li sejrin tajjeb għalkemm għadna ma rbaħniex il-kampjonat. Sinjal pożittiv ħafna hu li għadna ma tlifniex. Dan hu kollu frott ta’ xi ħames jew sitt snin ilu. Lgħabna għal diversi snin bi plejers żgħar u kellna l-kuraġġ li nagħmlu dan. Aħna l-flus tan-nursery ma mmissuhomx. Ninvestuhom fin-nursery stess.
“Mill-futbol tgħallimt li ma tistax tonfoq iktar milli ddaħħal. Jien u Norman għamilnieha fil-passat u tgħallimna mill-iżbalji tagħna stess. Tgħallimt għax ridt nitgħallem u għax miegħi kelli nies kapaċi li għallmuni.”
Lejn l-aħħar tal-intervista nitkellmu ftit fuq il-bidu tal-karriera tiegħu fil-waterpolo. Jgħidli kif kien beda fil-karriera ta’ dan l-isport li waslu sal-quċċata bi snin bħala gowlkiper tat-tim nazzjonali Malti.
“Konna noqogħdu San Pawl il-Baħar. Kellna villeġġjatura u kont ninżel ngħin ħdejn il-pitch tas-Sirens. Darba kien hemm Muscat ‘id-Dehbu’ u kien qalli biex immur għal-logħob magħhom. Kont smajt minnu u minn dakinhar bqajt għaddej.
“Dak iż-żmien kont ngħum ħafna fis-sajf. Kont nilgħab gowlkiper. Niftakar li kont mort man-Neptunes u magħhom irbaħt il-Kitty Cola Cup. Kont għamilt l-ewwel sena riserva sakemm ħadt posti meta spiċċa Jimmy Micallef. Fl-1971 kont mort mal-Belt u ħadna anki l-kampjonat. Fil-waterpolo ma kontx ħażin. Lgħabt anki mat-tim nazzjonali u kont mort għal-Logħob tal-Mediterran. Sifirt ħafna fil-waterpolo. Kont il-gowlkiper qabel Soler, missier il-captain tal-lum ta’ Sliema.
“Dak iż-żmien il-kampjonat kien aktar missielet mil-lum. It-timijiet kienu tajbin ħafna u kien vera diffiċli biex wieħed ibassar min kien se jirbaħ il-logħba. Illum differenti. Għandna żewġ timijiet biss ta’ klassi li jekk ma jirbaħx il-kampjonat wieħed se jirbħu l-ieħor.
“Minbarra li dak iż-żmien ma kellniex il-kumditajiet tal-lum. Aħna konna ngħumu u nitħarrġu f’baħar normali. Ma kellniex swimming pool u l-partiti tal-kampjonat kienu jintlagħbu fil-klabbs differenti. Minbarra li n-nies kienu jattendu aktar bi ħġarhom. Il-kampjonat kien eċċitanti ħafna. Il-plejers kienu iktar b’saħħithom u konna qisna gladjaturi. Illum hemm biss iktar teknika.
“Waterpolo m’għadniex insegwi. Illum qed nieħu ħsieb il-Luxol u allura nagħmel ġimgħa sħiħa hawn. Minbarra li fis-sajf norganizzaw it-tours bit-tfal tagħna u allura fl-aqwa tal-kampjonat tal-waterpolo ma nkunx Malta.”
Fl-aħħar mistoqsija nistaqsih fuq il-futur tiegħu u jekk għadx hemm xi affarijiet fil-futbol li xtaq jagħmel u għadu ma wasalx għalihom.
“M’hemm xejn li nixtieq ħlief li nara l-bidla bżonjuża li għandu bżonn fit-tmexxija l-futbol Malti. Il-bqija fuq livell personali nista’ ngħid li bħala St. Andrew’s bdejn mix-xejn u llum kbirna ħafna. Dan il-klabb m’hawnx bħalu. Fis-sens ta’ kif jiġi amministrat. Għandna impjegati jaħdmu magħna full-time u ċċempel meta ċċempel dejjem issib lil xi ħadd fl-uffiċini. Kulħadd għandu rwol importanti fil-klabb ta’ Luxol St. Andrew’s. Minbarra li l-futbol inħobbu iktar mill-waterpolo.
“Il-futur tiegħi? Jien mort noqgħod il-Gudja, viċin l-ajruport. Kif immut nixtieq li jiħduni l-Ingilterra, jaħarquni, jġibuni lura rmied u jifirxuni fuq il-pitch tal-Luxol.”

 

Intervista
Quddiem eżami ferm akbar … tgħid jirnexxi?

Il-Ministru tas-Saħħa l-ġdid sfidat fuq il-kritika li qala’ mingħand sħabu stess




Terremot fuq il-Fosos



L-effett ta’ ekonomija żbaljata



Elena ta’ Trojja


Il-Punt - Marie-Louise Coleiro-Preca
Il-Greċja u Malta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan