MediaToday

Ittri | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175

Bookmark and Share

Il-veru progressivi

Grezzju Mercieca
CHAIRPERSON, Kumitat Reġjonali għal Għawdex tal-PL

Ippermettili nwieġeb l-ittra intitolata Progressivi u Moderati ta’ Josef C. Masini Vento (se nsejjaħlu JMV fil-qosor) fil-ħarga tal-ġurnal tiegħek tal-21 ta’ Frar.
JMV għoġbu jekwipara moderat ma’ min ma jridx jgħaġġel biex jibdel, u sinonimu ma’ opportunist; u progressiv ma’ dak li jrid bidla mingħajr dewmien. Wara li hekk jiddefenixxi moderat u progressiv, jafferma li dawn huma irrikonċiljabbli ma’ xulxin. Jikkonkludi li dan iwassal għal limbu politiku. Bħala ċ-ċirasa s-silloġismu tiegħu jitfa’ botta xejn eleganti lill-mexxej tal-LP billi jsemmi poodle biz-zizu mdendel quddiemu.
Issa jekk tkunx moderat jew progressiv fil-fehmiet politiċi tiegħek ma jiddependi xejn minn kemm tgħaġġel biex iġġib il-bidla fis-soċjetà, imma fil-grad ta’ bidla li tkun trid. Imbagħad ma nafx f’liema miklem issib li moderat hu sinonimu ma’ opportunist. Apparti dan ma nistax nifhem kif tista’ ssejjaħ lilek innifsek progressiv qisek xi pagun kburi b’rixu kkulurit imbagħad b’mod mill-iktar simplistiku titfa’ n-nies f’kategoriji netti u distinti.
Wieħed jista’ jkun moderat f’qasam jew fehma, u progressiv f’ħaġ’oħra. Jista’ jkun favur id-divorzju iżda kontra l-abort. Jista’ jkun favur il-ġustizzja soċjali u fl-istess waqt favur il-privatizzazzjoni. Jew favur il-privatizzazzjoni ta’ ċerti industriji iżda mhux ukoll ta’ dawk li jipprovdu servizzi essenzjali. Ambjentalist kif se taqbad tikklassifikah: moderat jew progressiv? Il-Malti jgħid sintetikament: mitt bniedem, mitt fehma.
Huwa għalhekk li l-LP qiegħed jgħaqqad moviment ta’ moderati u progressivi. Min-naħa l-waħda, l-LP sejjer iżomm sodi l-valuri tradizzjonali tiegħu. Min-naħa l-oħra, sejjer jinfetaħ għall-ideat ta’ nies li mhux bilfors jaqblu miegħu f’kollox, imma jkunu jaqblu min fuq ħaġa u min fuq oħra. Minn dan l-iskambju ta’ ideat imbagħad tevolvi koalizzjoni ġdida li tgħin fl-evoluzzjoni tal-pajjiż.
Li tkun progressiv ma jfissirx li tkun dommatiku. Anzi d-dommi huma proprjetà tar-reazzjonarji u ta’ dawk li jbatu minn sklerożi intellettwali. Min ikun tassew progressiv jemmen fid-dinamika ta’ teżi, antiteżi u sinteżi. Jemmen fuq kollox fl-iskontri ta’ fehmiet differenti f’demokrazija ħajja u ta’ vera. Ma jingħalaqx għalih waħdu f’torri tal-ivorju. Ma jgħidx li m’hemmx salvazzjoni barra mill-Knisja tiegħu.
L-LP mhux se jispiċċa bħall-PN, li sar GonziPN. L-LP ma hu sejjer jagħmel l-ebda metamorfosi. Tant li għal darb’oħra qiegħed fuq quddiem nett jippromwovi l-aġenda ta’ riformi soċjali billi fi ħdanu kattar bil-kbir il-parteċipazzjoni femminili fl-ogħla organi tiegħu, għamel kummissjoni għal opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u oħra għal nies b’orjentazzjoni sesswali differenti. U daħħalha fl-istatut tiegħu li hu partit ambjentalista. L-LP hemm se jibqa’, iżda se jagħmel koalizzjoni ma’ dawk il-forzi soċjali, ekonomiċi u politiċi li mhux neċessarjament jaqblu miegħu f’kollox iżda lesti jikkollaboraw miegħu min f’ħaga u min f’oħra.
Lil JMV nafu. Hu nutar żagħżugħ, enerġetiku u bravu. Żgur li jaf l-Istorja. Jaf kif il-Knisja nisranija nfiltrat is-soċjetà Rumana billi ssostitwiet il-festi tagħha għal dawk pagani billi għamlithom fl-istess ġranet u b’tifsira li tixxiebah. Hu konxju wkoll li l-PL, meta kien għadu jitwieled, għamel Compact mal-partit ta’ Strickland, u frott ta’ dan iddaħħlu l-ewwel riformi soċjalisti fil-pajjiż. U bil-Compact il-partit tal-ħaddiema mhux talli ma spiċċax fil-limbu imma talli kiber u ssaħħaħ sakemm sar partit ewlieni.
Huwa appuntu għax il-poplu eduka ruħu, kif qal JMV, li issa l-aspirazzjonijiet ma baqgħux tant omoġenji, komuni għal massa kbira ta’ nies, imma saru iktar individwalizzati u diversifikati. Jekk ma niħdux nota ta’ dan, il-PL mhux jikber, iżda jiġi estint bħad-dinosawri. Hu sinifikanti li qatt daqs f’dawn l-aħħar sentejn ma kiber l-appoġġ popolari għall-PL, u dan meta fl-Ewropa naqas l-appoġġ għas-Soċjalisti sħab tiegħu. Jien qatt ma ħassejtni komdu fil-partit daqs kemm jien illum – u kulħadd jaf kemm jien pittma.
Iz-zizu li qiegħed ixomm JMV mhux il-PL dendlu imma l-forzi li ilhom igawdu ħeġemonija soċjo-politika ormaj għal kważi kwart ta’ seklu. Dawn huma esperti kif juru d-debba u jqabbżu l-ħmara. Faċli għalihom jimmanipulaw id-diskors biex jaħslu l-imħuħ u jdawruhom kontra min jixtiqilhom il-ġid.
Nappella lil JMV biex ma jaqax fin-nassa tagħhom ta’ ifred u saltan u jibda jipparteċipa attivament fil-Partit Laburista.

 

 

Intervista
Quddiem eżami ferm akbar … tgħid jirnexxi?

Il-Ministru tas-Saħħa l-ġdid sfidat fuq il-kritika li qala’ mingħand sħabu stess




Terremot fuq il-Fosos



L-effett ta’ ekonomija żbaljata



Elena ta’ Trojja


Il-Punt - Marie-Louise Coleiro-Preca
Il-Greċja u Malta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan