Ittri | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175
Joe Masini
eks-segretarju u eks-district election manager għall-GĦawdex
Victoria, Għawdex
Qed jidhru minn żmien għal żmien diversi ittri fuq il-ġurnali lokali fuq l-inġustizzji li ġarrbu ħafna persuni fis-snin l-imgħoddija. Kull min qed jikteb għandu raġun għax f’pajjiż demokratiku bħal Malta dawn l-affarijiet imisshom ilhom li ġew ikkoreġuti. Saru diversi Mistoqsijiet Parlamentari minn membri taż-żewġ naħat tal-Kamra. Għadda ħafna żmien u ħafna persuni li sofrew inġustizzji għadhom biss bir-rakkomandazzjoni f’idejhom.
Imbagħad iktar minn sena u erba’ xhur ilu smajna li twaqqaf Kumitat magħżul tal-Kamra ffurmat minn membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni b’aġenda biex tissaħħaħ id-demokrazija f’Malta. Dan il-kumitat kellu jara li jiġu solvuti l-każi tal-inġustizzi pendenti u kellu jagħmel rapport dwar dawn l-inġustizzji sal-aħħar ta’ Ottubru 2008.
Sal-lum, 15-il xahar wara, ħadd għadu ma sema’ xejn. B’inġustizzji huma migduma kemm Laburisti kif ukoll Nazzjonalisti.
Meta se jiġu mwettqa r-rakkomandazzjonijiet pendenti li l-Kummissjoniji tal-Inġustizzji, it-Tribunali u l-Uffiċċju tal-Ombudsman taw kontra l-Gvern fuq l-inġustizzji u li deċiżjoni fuqhom kellha tittieħed sal-aħħar ta’ Ottubru 2008?
Qabel ma għalaq il-Parlament għall-festi tal-Milied, għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13589, il-Prim Ministru rrisponda li hemm xi żviluppi.
Għall-Mistoqsija Parlamentari oħra wara l-vaganzi tal-Milied il-Viċi Prim Ministru wieġeb li l-każi pendenti tal-Ingustizzji ma ġewx diskussi f’kumitat magħżul tal-Kamra imma li saru xi taħditiet, barra mill-kuntest tal-Kumitat Magħżul, dwar dan is-suġġett.
Min hu migdum bl-ingustizzji u għadu ma ħax dak li ħaqqu għandu dritt ikun jaf x’inhuma l-iżviluppi li hemm imsemmija fil-Mistoqsijiet Parlamentari numri 13589 u 13900 magħmula lill-Prim Ministru u lill-Viċi Prim Ministru rispettivament?
Tikkunsidra l-Oppożizzjoni li bħalma għamlet fuq suġġetti oħra ta’ materji importanti, bħal ma huma l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-estenzjoni tal-Power Station f’Delimara, biex l-emendi li saru għal-Liġi Kriminali jidħlu fis-seħħ u li jkun dritt ta’ kull min ikun arrestat li jkun megħjun minn avukat, f’ġieħ id-demokrazija għandha tagħmel ukoll mozzjoni fil-Parlament biex kull min għadu bir-rakkomandazzjonijiet
minn quddiem il-Kummissjoni u t-Tribunal tal-Inġustizzji u anki l-Uffiċċju tal-Ombudsman jingħata xi forma ta’ kumpens?
Għalkemm in-nies li baqgħu bir-rakkomandazzjonijiet f’idejhom huma fil-minoranza naħseb li għandhom dritt daqs minoranzi f’oqsma oħra li jieħdu dak li ħaqqhom.
Wasal iż-żmien li issa kull min sofra inġustizzja, hu ta’ liema kulur politiku hu, jingħata kumpens.
Iċ-ċittadin Malti/Ewropew jidhirlu li mhux jgħix
ġo banana republic fejn ma jirrenjawx l-istabbiltà, il-ħelsien u d-demokrazija.