Ittri | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175
Josef Grech
Aġent Segretarju Eżekuttiv, Kunsill Lokali Marsaskala
Inizjattiva li ħa l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala fil-jiem tal-Karnival kienet meta rnexxielu jistieden u jġib grupp ta’ 25 majorettes mill-belt ta’ Nitra fis-Slovakia. Dawn iż-żgħażagħ Slovakki ġew Malta ħajr għall-proġett mill-Unjoni Ewropea ‘Citizens Meeting’.
Dan il-grupp inġieb Malta f’dawk iż-żminijiet tal-Karnival biex apparti l-iskambji ta’ kultura, fejn jidħol ikel, mużika tradizzjonali kif ukoll tagħlim tal-lingwi, setgħu wkoll jallegraw lill-Maltin u l-Għawdxin b’wirjiet artistiċi f’diversi lokalitajiet bħal Qormi, Ħamrun, Għaxaq u l-Belt Valletta kif ukoll Xewkija u Qala f’Għawdex. Kien hemm il-ħsieb ukoll li jallegraw l-Iskalin il-Ħadd filgħodu f’jum il-Karnival iżda sfortunatament kien il-maltemp u b’hekk il-programm kellu jitħassar ħesrem.
Ta’ min jgħid li dan il-grupp ġie f’pajjiżna flok grupp ieħor li kellu jiġi minn Lyon fi Franza f’Ottubru li għadda iżda minħabba l-epidemija tas-swine flu ma setax jiġi.
Kien ukoll ħajr għall-għajnuna kbira minn naħa ta’ Maria Schembri mill-MEUSAC li għenet bi sħiħ il-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala biex b’hekk il-fondi allokati għal dan il-proġett ma ntilfux u ġew utilizzati fuq il-grupp tal-majorettes mis-Slovakja. Il-kuntatt fis-Slovakja kien sar meta s-Sindku ta’ Marsaskala Mario Calleja attenda s-Slovakja ma’ grupp ta’ Sindki fi ħdan il-proġett Leader tal-GAL XLOKK, f’Awwissu li għadda.
Dawn waslu Malta fl- 10 ta’ Frar u allura setgħu wkoll igawdu ftit miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ San Pawl fil-Belt Valletta. Damu hawn sebat ijiem li kienu mimlija b’ħarġiet kulturali f’postijiet ta’ interess u diskussjonijiet ma’ gruppi oħra Maltin u Għawdxin.
Bis-saħħa ta’ dan popli b’kulturi u tradizzjonijiet differenti jsiru midħla ta’ xulxin u tikber is-solidarjetà u l-ħbiberija bejn il-ġnus tal-UE.
Ħajr tmur għax-xogħol li sar mis-sotto Kumitat tal-Kultura fi ħdan il-Kunsill Lokali Marsaskala u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din iż-żjara kienet suċċess.