MediaToday

Ittri | 28 ta’ Frar 2010 • Nr 175

Bookmark and Share

Il-lupu jbiddel sufu iżda mhux għemilu

Jesmond Bonello
Assistent Segretarju Ġenerali
UĦM

Għal darb’oħra għal dawn l-aħħar snin se tiġi organizzata protesta oħra mill-GWU, din id-darba mhux kontra l-VAT, mhux kontra l-Unjoni Ewropea, iżda suppost kontra l-kontijiet tat-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma. Tariffi tad-dawl u l-ilma li l-istess GWU irrifjutat li tiddiskuti fl-MCESD bħal m’għamlu minflok ic-CMTU, l-UHM u l-imsieħba soċjali kollha l-oħra rappreżentati f`dan l-istess kumitat. Dan peress li dejjem, skont il-GWU, it-tariffi kienu tħabbru diġà.
Iżda jekk dan hu minnu fejn se jwasslu dawn il-protesti? Dawn il-protesti huma biss mod biex jerġgħu joħorġu n-nies fit-toroq, jew skuża biex il-GWU tuża rapport li ilu snin twal fil-kexxun tagħha? Ir-raġuni ta’ dawn il-protesti huma realment il-kontijiet tad-dawl ġodda jew protesta kontra l-Gvern għax ma aċċettax il-forum
fl-MCESD?
Din hi protesta kontra d-dawl jew protesta għax mhux qegħdin jiġu aċċettati l-proposti tal-MUT rigward il-membri tagħha?
Il-GWU abbużat mill-obbligi tagħha u minflok attendiet photosession ma’ sħabha l-ġodda minflok laqgħa tal-MCESD.
F’din l-istess laqgħa l-imsieħba soċjali raw biex flimkien taw kontribut biex l-effett ta’ dawn il-kontijiet tad-dawl jiġi minimizzat u ma jkunx hemm telf ta’ mpiegi.
Il-UHM stess indirizzat ukoll l-aspett tal-ħaddiema u l-kontijiet li se jirċievu fir-residenzi u saħansitra kif imħabbar fil-baġit, il-Gvern alloka 10 miljun ewro biex l-impatt għall-ħaddiema jkun minimizzat.
Jien segwejt numru ta’ konferenzi stampa li għamel dan il-Moviment ġdid tal-Le u għadni ma smajtx xi proposti qegħdin iressqu biex l-effett tal-kontijiet tad-dawl jiġi minimizzat. Sal-lum dan il-moviment għadu ma ħariġx b’soluzzjonijiet biex in-nefqa għall-produzzjoni tad-dawl u l-ilma tiġi mħallsa minn terzi persuni.
Għax fir-realtà jekk dan il-prezz ma nħallsuhx fil-kontijiet individwali se nispiċċaw inħallsuhom xorta waħda aħna permezz tat-taxxi tagħna. B’differenza waħda li jien nista’ nkun qiegħed inħallas aktar bl-għoli għax inkun nagħmel tajjeb ukoll għall-konsum tal-industrija kummerċjali wkoll.
Jien nemmen fid-dritt tal-protesta u tal-istrajk iżda nemmen ukoll li dawn għandhom isiru meta jingħalqu l-bibien tad-djalogu u mhux meta kapriċċjożament nagħżel li ma nattendix laqgħa li nkun tlabt jien.
Nemmen li kull Union għandha wkoll responsabbiltà lejn il-membri tagħha u dan il-moviment ġdid tal-LE għandu jgħarraf lill-ħaddiema, pensjonanti u l-familji tagħhom fil-perspettiva tal-kriżi ekonomika dinjija fejn il-postijiet tax-xogħol qegħdin dejjem f’riskju.
Infakkar li atteġġament simili bħal dan wassal għall-telf ta’ mpiegi kemm fil-Phoenicia kif ukoll għall-ħaddiema tas-Sea Malta. Iż-żminijiet tal-lum inbidlu. Il-ħaddiema u l-familji tagħhom ma jridux aktar sensazzjonaliżmu iżda soluzzjonijiet.
Madankollu jew in-nuqqas ta’ self esteem jew minħabba raġunijiet oħra ċerti Unions qegħdin jabbużaw mid-dritt u l-obbligu tagħhom li jagħmlu argumenti validi u jippruvaw isibu soluzzjonijiet. Minflok qed jagħżlu triq faċli ta’ konfrontazzjoni għall-gallarija. Din tibqa’ l-għażla tagħhom. Il-UHM, bħal numru ta’ msieħba soċjali oħra, għażlet li r-rappreżentazzjonijiet tagħha tagħmilhom fl-MCESD permezz ta’ djalogu soċjali li jkun kostruttiv.
Il-verità hi li l-logo il-ġdid tal-GWU ma ssarrafx għax il-lupu jbiddel sufu iżda mhux għemilu u l-GWU taħt il-qoxra ġdida baqgħet l-istess organizzazzjoni bl-istess motivazzjonijiet u l-istess ħbiberiji u l-istess għanijiet. Sfortunatament baqgħet xorta marbuta mat-twemmin antik li ma jiddistingwix bejn politika partiġġjana u dik tredunjonistika u kull skuża tibqa’ tajba biex noħorġu ħaddiema jipprotestaw: darba ħaddiema tat-Tarzna u darb’oħra manifestazzjoni jew protesta bħal “Issa Daqshekk”, dejjem b’kollaborazzjoni ma’ xi partit politiku.

 

 

Intervista
Quddiem eżami ferm akbar … tgħid jirnexxi?

Il-Ministru tas-Saħħa l-ġdid sfidat fuq il-kritika li qala’ mingħand sħabu stess




Terremot fuq il-Fosos



L-effett ta’ ekonomija żbaljata



Elena ta’ Trojja


Il-Punt - Marie-Louise Coleiro-Preca
Il-Greċja u Malta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan