MediaToday

Toni Abela | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Il-qasba u l-pixkerija

Segwejt mill-qrib il-kwistjoni tat-trasport pubbliku. Ma nistax ngħid li s-sidien tat-trakkijiet tal-linja u s-sewwieqa għamlu xi sforz spettakolari biex jevitaw dan in-nawfraġju. Il-Gvern jaf, u m’għandniex xi ngħidu Austin Gatt rikeb fuqha, li dawn m’għandhomx l-opinjoni pubblika ħafna favurihom. Għalkemm irridu ngħidu li meta riedu investew biex itejbu s-servizz il-Gvern għamel minn kollox biex jaqtgħalhom qalbhom għax diġà kellu pjan f’moħħu.
Għal darb’oħra Gatt bl-istil Panzer tiegħu, imbarka fuq negozjati stil ta’ dak li ħareġ il-kunvent, jew ta’ take it or leave it. Dan l-istil eleganti rajnieh fuq postijiet tax-xogħol oħra.
Jheddek li kollox wasal fit-tarf. Idendilek somma li għal mument tkun tidher attraenti. Jagħtik sa nof il-lejl biex taċċetta u ma jkollokx triq oħra ħlief li titlaq minn fuq il-post tax-xogħol. Margaret Thatcher kienet tuża l-Pulizija. Gatt juża l-biża’ li tista’ tispiċċa b’xejn.
Dan l-istil ta’ ‘negozjati’ lmaħniehom fit-Tarzna. Issa qegħdin insiru nafu li l-pudina mhux il-ħaddiema għamluha. Iżda l-politika ħażina u anke suspettuża tal-Gvern. Meta kien hemm żmien ta’ dak li kien qiegħed jissejjaħ ‘recovery plan’ tat-Tarzna qiegħed jagħti frott, misterjożament Austin iddeċieda li jabbanduna dan il-pjan. Issa għandna xenarju traġiku. Kienu l-esperti barranin li għaxxquha.
Ladarba ġiet għall-baħar l-istess system of conduct rajnieh fis-Seamalta. Meta din kienet naqset sostanzjalment mit-telf, u saħansitra ma kinitx qiegħda titlef, għal darb’oħra daħlet il-politika goffa ta’ Austin Gatt.
Il-ħaddiema spiċċaw ċippitatu fin-nofs u għal darba oħra i-karrotta u t-theddid. Inbiegħet lit-Taljani. Il-vapuri nbiegħu bix-xejn. Kulħadd tħallas, anke l-avukati, iżda minbarra l-ħaddiema. Ħafna baqgħu b’xiber imneħirhom mingħjar il-ħlas tal-paga.
Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed il-Panzer daħal ukoll Gwardamangia. Fix-Xandir pubbliku kulħadd moħħu mistrieħ li jekk hawn xi ħadd politikament oġġettiv hu Austin Gatt.
Tant hu oġġettiv li kull darba li jfalli fil-miri dejjem irid iwaħħal f’tal-Labour, dawk tal-imgħoddi u dawk tal-preżent. Għal darb’oħra l-ħaddiema tal-PBS, kollha ta’ ħila kellhom jitilqu bis-sorra fuq spallithom u bil-borża ta’ San Martin f’idejhom. Il-PBS b’kumbinazzjoni mtela b’xi ġurnalisti li sa ftit qabel kienu man-Net.
Imma ma nistgħux nieqfu s’hawn. F’din l-istorja ta’ rebħa wara l-oħra fuq il-lant tax-xogħol hemm ukoll il-ħaddiema tal-GO. Fil-ftehim ma’ Tecom kien ġeneruż biżżejjed li ħalla warajh garanzija sa tliet snin impieg lil kull ħaddiem. It-tliet snin għaddew u bħal filliera suldati taċ-ċomb, il-ħaddiema bdew jaqgħu wieħed wieħed. Jew tieħu s-somma jew tispiċċa b’xejn. B’mod Bibbliku ħafna ħaddiema għażlu l-ħobż flok il-ġebla, il-ħut flok is-serp.
Gatt spiċċa bil-bramel tal-aċtu f’idejh biex idewweb kulma jsib. Dan kollu jindika ħaġa waħda. X’inhi l-filosofija industrijali tal-Gvern fejn jidħlu ħaddiema li jiddependi minnu. L-attività ekonomika tiġi qabel il-bniedem biex xorta ekonomikamnet jew ma ndaħħlu xejn fil-but jew kollox jitlaq bir-ribass. Basta ma jibqagħlux salarji aktar xi jħallas fl-aħħar tax-xahar.
Għalih fiċ-ċentru tal-ħsieb tiegħu hemm biss l-ekonomija li tinqeda bil-bnieden flok bil-kuntrarju. Tant dan hu minnu li Gatt u min qiegħed warajh ma jistgħux jifhmu li d-dinjità tax-xogħol m’għandhiex valur.
Tat-Tarzna jgħixu fil-baċir, u mhux f’xi kunsill lokali jiżbgħu is-sinjali tat-toroq, u agħar minn hekk, waiters f’xi tieġ. Tas-Sea Malta jgħixu fuq il-vapuri u mhux id-dar jgħoddu s-sigħat biex il-ġurnata tgħaddi u meta jisbaħ jagħmlu l-istess.
Xandara esperti ma kinux magħmulin biex jindifnu f’xi Dipartiment tal-Gvern. U hekk ukoll dawk il-ħaddiema kollha l-oħra, li spiċċaw fl-iscrap yard industrijali jistennew li jiġborhom xi ħadd qishom xi ħaġa second hand.
Lil dawn ħadilhom il-qasba biex minflok tahom pixkerija. Fil-pixkerija hemm ħafna ħut iżda l-kwantità mhix infinita. Bil-qasba taqbad biżżejjed ħut biex tgħix il-ġurnata tajjeb, iżda il-qabda minn jum għall-ieħor hi infinita.

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan