Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Ta’ 86 sena titħalla 11-il siegħa tistenna f’siġġu tar-roti
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
“Dan hu kollox barra s-servizz li kien imwiegħed il-poplu Malti fl-Isptar Mater Dei,” sostnew persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta wara esperjenza oħra kerha fl-Isptar.
“B’kollox għamilna 11-il siegħa nistennew b’anzjana ta’ 86 sena fis-siġgu tar-roti sakemm inqdejna kif suppost,” sostniet qariba tal-anzjana.
Il-familja tispjega li x’ħin waslu l-Emerġenza għamlu tmien sigħat u nofs jistennew biex jarahom xi ħadd.
“Imbagħad it-tabib li ġie jara lill-anzjana rreferiena għal tabib ieħor: it-tabib tas-sala. Għamilna siegħa u nofs oħra nistennew bl-pazjenta fis-siġġu tar-roti. Hi sitwazzjoni inaċċettabbli li pazjent jitħalla f’dik il-qagħda mingħajr ma jingħata s-servizz u l-kura li għandu bżonn.”
Bħal fil-ħafna mill-każi li daħlu quddiem din il-gazzetta, l-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei qed tispiċċa bi kjuwijiet kbar ta’ nies u b’sigħat esaġeratament twal ta’ stennija.
“X’ħin ġbidna l-attenzjoni li hi sitwazzjoni tal-mistħija li konna ilna disa’ sigħat u nofs nistennew b’anzjana ta’ 86 sena, ħaddiem weġibna li l-età ma kienx fattur li jagħmel differenza fl-ammont ta’ ħin li wieħed idum jistenna.”
Kien f’dan il-punt li l-ħaddiema tal-Isptar saħansitra ċemplu lill-Pulizija biex imorru fuq il-post.
“Il-Pulizija kienu edukati u fehmu s-sitwazzjoni li konna fiha,” kompliet il-familja tal-anzjana.
Il-ħin baqa’ għaddej b’aktar sigħat ta’ stennija u frustrazzjoni. Kellu jkun fis-1.15 ta’ filgħodu sakemm l-anzjana ġiet rikoverata f’sodda f’waħda mis-swali tal-Mater Dei … ferm ’l bogħod mis-servizz ta’ eċċellenza li l-poplu kien imwiegħed fl-Isptar li l-Gvern laqqmu “state of the art”.