MediaToday

Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Trid tiffranka l-flus fl-2010?

Aqta’ din il-paġna u fil-kaxxa ta’ isfel niżżel kemm se tiffranka flus matul ix-xahar ta’ Frar

Jannar hu normalment l-aktar xahar iebes wara li finanzjarjament inkunu għaddejna mill-ispiża tar-rigali u l-ħruġ tal-Milied. L-eżami tal-veru prova għalina waqt u wara l-perjodu ta’ riċessjoni hu msejjes fuq numru ta’ affarijiet. Tikteb JULIA FARRUGIA

1. Aqta’ dik l-imbierka credit card u overdraft
Faċli tixtri l-affarijiet kollha li tixtieq billi tisplodi l-credit card jew l-overdraft tiegħek.
Din is-sena agħmel mira li taqta’ dan id-dejn. Wara ibda ffoka fuq is-self li għandek mal-bank, fosthom is-self fuq id-dar jew karozza.
Tinsiex li jekk fi ftit tax-xhur oħra jerġgħu jogħlew ir-rati tal-interessi se jogħlewlek f’daqqa l-pagamenti li trid twaddab kull xahar. Din il-bomba tista’ tisplodi f’wiċċek.

2. Aqta’ infiq żejjed fuq l-imbarazz li tixtri
Ieqaf aħseb ftit u ara kemm f’ġurnata tixtri ċuċati żgħar biex tnaqqar. Kemm il-kafè tixtri mill-magna? Kemm il-ċikkulata tixtri? Kemm tixtri takeaways fil-ġimgħa?
Jekk taqbad imqar €5 (Lm2.15) fil-ġimgħa li kont tonfoq f’dan it-tip ta’ tnaqqir u tfaddalhom, f’sena waħda biss se tiffranka €260 (Lm111.62).

3. Ara x’għandek fil-cupboard tal-kċina u fil-friża
Se nisfidawk. Iftaħ ftit il-cupboards u ara kemm għandek bottijiet u pakketti li tista’ tuża.
Iftaħ il-friża u ara x’tip ta’ ikliet tista’ toħroġ. F’ħafna każi se ssib li tista’ tagħmel ikla kuljum għal numru ta’ ġimgħat mingħajr il-ħtieġa li tixtri xejn ħlief dawk l-affarijiet friski li nużaw kuljum bħal ħalib u ħobż.

4. Irranġa l-gwardarobba
Dur il-gwardarobba u l-kxaxen u rranġa t-taqlib kollu. Poġġi l-ħwejjeġ b’kuluri, dbielet għalihom, qliezet għalihom, eċc. B’dan il-mod se tkun taf eżatt xi ħwejjeġ għandek u ma tispiċċax tixtri ħwejjeġ simili għal dawk li diġà għandek.
Jekk tixtieq tbiddel il-gwardarobba tiegħek investi fi ħwejjeġ plain u bażiċi. B’dan il-mod tkun tista’ toħloq numru ta’ tibdiliet differenti mill-istess ħwejjeġ li diġà għandek. Xi kultant sempliċi ċinturin jew ġiżirana se tagħti dehra kompletament differenti lil-libsa plain li għandek.

5. Kabbar ħxejjex aromatiċi d-dar
Qatt irrealizzajt li minflok toqgħod kull darba tixtri ħabaq, klin, bżar aħmar (pimentos) u ħxejjex oħra tista’ tiffranka dawn il-flus?
Il-klima ta’ pajjiżna tippermetti li nkabbru dawn ix-xtieli fid-dar tagħna stess. Anke jekk m’għandekx ġnien tista’ tkabbar dawn il-pjanti f’pots żgħar tal-fuħħar.
Jekk toqgħod tixri ħabaq għall-ikliet tiegħek dan se jmur wara ftit jiem li tkun xtrajtu. Pjanta friska fil-bitħa tiffrankalek il-flus għax se tibqa’ ħajja għal xhur sħaħ.
Ixtri xitla tal-ħabaq u ofroqha fi tliet pots differenti. Se ssib li minn xitla waħda se tkun ħloqt tlieta. Ħafna drabi tista’ tixtri xitla waħda għal prezz ta’ €0.70.
Tista’ wkoll tiffranka milli toqgħod tixtri ċertu tip ta’ ikel fil-vażetti. Fost dawn il-pesto. Bil-ħabaq frisk li għandek fil-bitħa tista’ tagħmel il-pesto int stess u tiffriżaħ f’kontenituri.

6. Sajjar numru ta’ ikliet f’daqqa
Meta ssajjar ċertu ikel f’daqqa tkun qed tiffranka wkoll il-gass jew l-elettriku l tal-forn/cooker. B’ħajja mgħaġġla importanti li wieħed ikun prattiku. Jekk qed tipprepara z-zalza tista’ tagħmel borma kbira u tiffriża dak li mhux se tuża f’porzjonijiet separati. Wara ġurnata xogħol kemm toħroġ pakkett minnhom u jkollok il-bażi tal-ikla lesta.
B’din is-sistema tkun iffrankajt ħafna enerġija għaliex bl-istess ammont ta’ gass tkun sajjart ħafna ikel f’daqqa.
Dan japplika wkoll jekk se taħmi numri ta’ torti f’daqqa biex tiffriżahom għal meta se tiġi bżonnhom.

7. Ikkontrolla t-telefonati
It-telefon ċellulari għandu jkun għodda tajba f’ħajjitna u mhux bil-maqlub, jiġifieri għodda biex tisburżjana.
Int wieħed minn dawk li għandek idejk ħafifa għal sms jew telefonata? Staqsi jekk xi kultant ikunx hemm waqtiet fejn sempliċi email jew messaġġ fuq facebook jista’ jaqdik xorta waħda.

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan