MediaToday

Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Il-Pulizija tikkonfiska l-laptop tas-Sindku taż-Żebbuġ

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Nhar it-Tnejn li għadda s-Sindku Nazzjonalista taż-Żebbuġ Għawdex Carmelo Saliba kien interrogat għal numru ta’ sigħat mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat każ li jdur mal-laptop li nxtara mill-fondi tal-kunsill.
Sorsi qrib il-Pulizija sostnew ma’ Illum li b’kollox is-Sindku nżamm id-Depot f’Malta għal madwar 10 sigħat.
Mistoqsi dwar dan il-każ is-Sindku Saliba ma ċaħadx li kien arrestat mill-Pulizija u qalilna li d-domandi tagħna se jweġibhom l-avukat tiegħu Joe Ellis.
“Huwa minnu li l-laptop inżamm mill-puliżija fil-kors tal-investigazzjoni li qed iwettqu,” kienet it-tweġiba tal-avukat. Jidher li persuni allegaw li l-laptop ma kienx qed jintuża mis-Sindku iżda mit-tifla tiegħu. Dan il-punt kien wieħed mill-angoli nvestigati mill-Pulizija fis-Sessjoni tar-Reati Ekonomiċi.
Is-Sindku Saliba kkonferma “li l-laptop in kwistjoni ġarrab ħsara aċċidentali meta hu kien qiegħed jaħdem fuq xogħol tal-Kunsill fir-dar tiegħu. It-tiswija ta’ dan il-laptop swiet €198. M’huwiex minnu li l-laptop ġratlu ħsara meta kien qed jintuża mit-tifla.”
Diċeriji f’Għawdex isostnu li s-Sindku taż-Żebbuġ sa anke stqarr ma’ xi wħud li xeba’ mill-attakki u l-manuvri li għaddejjin fil-konfront tiegħu. Skont numru ta’ persuni s-Sindku sa anke kien qed jikkunsidra biex jirriżenja mill-kariga.
Permezz tal-avukat tiegħu Saliba qal li “m’għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja minn sindku minkejja l-kampanja qalila ta’ attakki personali li qed issir kontrih u li minħabba fiha diġà fetaħ żewġ libelli u ppreżenta kwerela. Hu fi ħsiebu jieħu passi ulterjuri biex jipproteġi l-integrità personali tiegħu.”

 

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan