Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Jidher li nqalgħu ntoppi ġodda fil-Parlament Ewropew (PE) qabel mat-18-il MPE ġdid, jieħdu posthom fil-PE bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009.
Fost dawn l-MPEs ġodda hemm il-Ewroparlamentari Laburista Joseph Cuschieri li kien is-sitt kandidat li ntgħażel waqt l-elezzjonijiet tal-PE fis-6 ta’ Ġunju 2009.
L-MPEs fuq il-Kumitat tal-PE għall-Affarijiet Kostituzzjonali waqt laqgħa nħar it-Tnejn li għadda kienu mistennija li jagħżlu membru minn fosthom biex iħejji l-opinjoni tal-PE dwar kif se jintgħażlu dawn l-MPEs ġodda. Madanakollu dawn ipposponew id-deċiżjoni għal disat’ijiem oħra, meta se ssir laqgħa oħra tal-Kumitat fi Strasburgu.
Dan in-nuqqas ta’ qbil kien parzjalment dovut għall-fatt li ż-żewġ kandidati li huma favoriti li jingħażlu minn fost iż-żewġ gruppi ewlenin tal-PE għal din il-karigu huma t-tnejn Spanjoli.
Minħabba li Spanja hi l-aktar pajjiż li se jakkwista MPEs ġodda taħt it-Trattat ta’ Lisbona – 4 minn 18 – hemm il-biża’ li r-rapport tagħhom ma jkunx daqshekk rappreżentattiv tal-fehmiet tal-Istati Membri kollha tal-UE.
Barra minn hekk il-PE jidher li se jkollu wkoll problemi mal-Gvern Franċiż li jrid jagħżel iż-żewġ MPEs ġodda taħt it-Trattat ta’ Lisbona minn fost membri tal-Parlament Franċiż.
L-MPEs qed iwissu li jekk Franza tibqa’ sejra bil-pjani tagħha huma kienu se jsejħu konvenzjoni ġdida komposta minn MPEs, rappreżentanti tal-Parlamenti Nazzjonali u Gvernijiet tal-Istati Membri biex tittieħed deċiżjoni dwar dan.
Iżda l-maġġoranza tal-Istati Membri ma tantx huma ħerqana li jkun hemm konvenzjoni oħra li tiddiskuti l-futur tal-istituzzjonijet Ewropej ftit taż-żmien wara li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009.