Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Il-Banif Bank, l-aħħar bank li stabbilixxa ruħu fost il-kbar fil-qasam bankarju lokali, matul l-aħħar ftit tax-xhur kien vittma ta’ ħadma permezz tal-posta elettronika.
Illum tinsab infurmata li permezz ta’ din il-ħadma, li saret matul il-ġimgħa l-oħra, il-klijenti tal-Banif li jużaw l-internet banking kienu qed jintalbu jdaħħlu d-dettalji bankarja bl-iskuża li l-Banif kien se jaddotta server ġdid u sigur.
F’dan il-każ, il-klijenti ntalbu jdaħħlu d-dettalji bankarji tagħhom f’paġna li hi identika fid-dehra għal dik tal-Banif Bank iżda fir-realtà hi ħadma elettronika. Fil-fatt, il-paġna ma kinitx tagħti għas-server tal-Banif Bank imma għal server fi Franza fejn kienet miżmuma din il-ħidma.
Meta ppruvajna nilloggjaw fuq l-internet il-Ħamis wara nofsinhar sibna li s-sit li permezz tiegħu kienet qed issir il-ħadma elettronika ma kienx għadu hemm.
Is-serq tad-dettalji elettroniċi tal-banek permezz tal-phishing hu wieħed mill-aktar attivitajiet li jrendu flus għal dawn il-kriminali. Biex jagħmlu din il-ħadma aktar konvinċenti l-kriminali qalu fil-posta elettronika tagħhom lill-klijienti tal-Banif Bank li “biex jevitaw il-phishing u serq tal-identità, intom qed tiġu mwissija biex tilloggjaw fis-server ‘sigur’ tagħna.”
Mistoqsi minn Illum kelliem għall-Banif Bank ikkonferma nhar it-Tnejn li għadda li dik il-posta elettronika ma kienet xejn għajr ħadma elettronika.”
Kelliem għad-Dipartiment tal-IT tal-Bank fisser kif is-sit uffiċjali tal-internet tal-Banif hu aċċessibbli biss permezz tal-indirizz
www.banif.com.mt “u hu protett permezz ta’ standards ta’ sigurtà internazzjonali”.
Dawk il-klijenti li setgħu taw id-dettalji personali tagħhom f’din il-ħadma ntalbu jikkuntattjaw lil kwalunkwe fergħa tal-Banif Bank jew biex iċemplu lis-servizz tal-Konsumatur fuq 2260 1000.
Mistoqsi minn Illum dwar jekk il-Bank kienx għamel rapport lill-Pulizija dwar dan il-każ jew le, kelliemi għall-Bank qal lil Illum li l-Bank “ħa l-mezzi kollha biex iħares l-interessi tal-klijenti tiegħu u ppreżenta rapport lill-Iskwadra tal-Pulizija tar-Reati Elettroniċi li qiegħda tinvestiga l-każ.”
Iżda ikkuntattjata tlett ijiem qabel kelliem għall-Pulizija stqarret ma’ Illum li l-Bank kien għadu ma għamel l-ebda rapport għand il-Pulizija li s-soltu jinvestigaw reati ta’ din ix-xorta.
Il-Bank ma’ weġibx għal mistoqsijiet ta’ Illum fosthom dwar dwar jekk il-Bank nediex jew le investigazzjonijiet interni wara li saret magħrufa din il-ħadma, meta nbdew dawn l-investigazzjonijiet interni u x’kien l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet.
Mistoqsija minn Illum, il-kelliema għall-Pulizija fissret li dawn il-ħadmiet huma “frekwenti ħafna” u l-pubbliku għadu jinjora “kwalunkwe talba mill-Bank tagħhom jew minn xi Bank ieħor fejn jintalbu li jipprovdu d-dettalji personali tagħhom minn fuq l-internet.”