MediaToday

Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Il-konsumatur mhux qed jingħata rċevuta għall-qari tad-dawl

Tilfu l-informazzjoni kollha

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Residenti li f’dawn l-aħħar jiem kellhom il-qarrej tal-arloġġ tad-dawl fid-dar tagħhom skoprew li b’effett immedjat mhux qed jingħataw is-soltu rċevuta li kienu jingħataw qabel.
Fuq din l-irċevuta wieħed kien isib dettalji importanti fosthom dwar kemm kien il-qari tal-meter, l-ammont ta’ units li ħela l-konsumatur mill-aħħar darba li ġie l-meter reader u jekk il-konsum jidhirx li hu normali jew għoli ħafna.
Tagħrif li kisbet din il-gazzetta jikkonferma li r-raġuni wara dan kollu hi li min hu responsabbli mill-proċess il-ġdid tilef l-informazzjoni kollha ta’ qabel.
L-istatistika ntilfet meta f’Diċembru ntfiet is-sistema l-antika biex minflokha tibda taħdem dik ġdida mmexxija mill-kumpanija ARMS Limited. Din il-kumpanija privata hi ffurmata bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Ħaddiema li tkellmu magħna kkonfermaw li hemm numru ta’ problemi oħra f’dan il-proċess. Fost dawn meta l-qarrejja tal-meters imorru l-Head Office biex ibattlu l-apparat elettroniku tal-qari tal-meters.
“Ġieli għamilna sagħtejn nistennew biex inbattlu t-tagħrif li jkollna rrekordjat fuq l-apparat elettroniku. U dan sempliċiment għax il-ħaddiema tal-IBM ikunu mgħajta wara l-10am. Dan ifisser ħin moħli għall-ħaddiema li jkollhom l-apparat elettroniku tal-qari mimli,” sostna qarrej tal-meter.

6% imgħax fuq l-estimi
Anke jekk il-kumpanija ARMS Ltd nefqet eluf ta’ ewro biex tibgħat fuljett fil-maġġoranza tad-djar Maltin, il-mistoqsijiet dwar il-kontijiet il-ġodda komplew jiżdiedu.
Mistoqsija li qed tinkwieta lil bosta konsumaturi hi għal-liema raġuni l-Gvern qed jibqa’ jinsisti li klijent jeħel 6 fil-mija mgħax fuq pagamenti li ma jitħallsux meta fost dawn se jkun hemm konsumaturi li l-kont tagħhom se jkun “estimate” u mhux attwali.
Sal-lum, bil-Liġi, konsumatur għandu dritt li ma jħallasx kontijiet li huma stima u teknikament jista’ jħallas biss dawk il-kontijiet li huma attwali.
Suppost bl-introduzzjoni tal-iSmart meters, il-kontijiet se jkunu kollha attwali. Imma l-mira tal-Gvern dejjem kienet li biex Malta kollha tkun mgħammra bl-iSmart meters trid tasal l-2012. Sa dak iż-żmien se jkunu ħarġu eluf ta’ kontijiet fuq stima peress li l-meter l-antik ma jkunx għadu nbidel.
X’se jiġri mill-qarrejja tal-meters?
Numru ta’ qarrejja tal-meters li tkellmu ma’ Illum sostnew li sal-lum tħallew fil-għama dwar il-futur tal-impjieg tagħhom. S’issa l-ARMS Ltd għadha ma ddikjaratx x’se tagħmel bil-ħaddiema li preżentament jieħdu l-qari tal-arloġġi fid-djar.
“Meta Malta kollha tkun bl-iSmart meters nifhmu li x-xogħol li nagħmlu aħna mhux se jibqa’ meħtieġ għaliex il-meter se jkun qed jirreġistra waħdu l-konsum tal-elettriku. X’se jiġri minna?” staqsew grupp ta’ ħaddiema li ltaqgħu magħna.
Ikkuntattjata minn Illum il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma qalet li bħalissa għandha magħha 29 qarrej tal-meters.
“Meta Malta kollha jkollha l-iSmart meters dawn il-ħaddiem se jiġu mħarrġa mill-ġdid u jingħataw impjieg ieħor,” qal kelliem għall-Korporazzjoni.
“Ħafna mill-ħaddiema kbar fl-età u waslu biex jerfgħu mill-impjieg. Dawk li għadhom żgħar jinstabilhom impjieg ieħor.”
Mistoqsi speċifikament jekk ix-xogħol il-ġdid tagħhom hux se jkun mal-ARMS Ltd jew mal-Korporazzjoni, il-kelliem qal li f’dan l-istadju għadhom ma jafux.

Problemi bil-meters tal-ilma?
Persuni li tkellmu ma’ Illum sostnew li waħda mill-problemi li qed jiġu mitkellma fost il-ħaddiema tal-Enemalta u l-Water Services hi dik dwar il-meters tal-ilma.
Jidher li s’issa qed jissemmew meters tal-ilma li jkunu fuq il-frekwenza tal-VHF. Il-mistoqsijiet f’dan l-istadju huma jekk dawn it-tip ta’ meters joħolqux interferenzi ma’ VHF’s użati minn numru ta’ Maltin. Dawn is-sistemi jintużaw f’ħafna rħula kif ukoll fl-inħawi tal-Port il-Kbir.

 

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan