MediaToday

Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Il-Gvern aktar ottimist mill-KE

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Fir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea (KE) dwar Malta nhar l-Erbgħa li għadda juri li l-figuri ekonomiċi ippubblikati mill-Gvern Nazzjonalista fid-diskors tal-Baġit huma iktar ottimisti minn dawk li bassret il-Kummissjoni Ewropeja ftit tal-ġimgħat qabel.
Fil-fatt, dan ir-rapport juri li fejn jidħol il-Prodott Gross Domestiku (PGD), fid-diskors tal-Baġit 2010, li sar fid-9 ta’ Novembru 2009, il-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech kien qed ibassar tnaqqis ta’ 2.1 fil-mija għall-2009, li jitla’ għal 1.1 fil-mija tal-PGD għall-2010 u 2.3 fil-mija għall-2011.
Iżda t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea għall-istess perjodu jindikaw tnaqqis ta’ 2.2 fil-mija għall-2009 (0.2 fil-mija iktar milli mbassar mill-Gvern Malti), li jitla’ għal 0.7 fil-mija tal-PGD fl-2010 (0.4 fil-mija inqas) u 1.6 fil-mija għall-2011 (0.7 fil-mija inqas).
Illum talbet ukoll il-fehmiet ta’ erba’ ekonomisti dwar id-deċiżjoni tal-KE li twaqqaf il-Procedura ta’ Infrazzjoni kontra Malta – il-MPE Laburista Edward Scicluna, John Cassar White, Karm Farrugia u John A Consiglio.
Scicluna fisser li biex wieħed jifhem id-deċiżjoni tal-KE fir-rigward ta’ Malta wieħed irid japprezza li din id-deċiżjoni ttieħed “matul l-iktar xhur inċerti fl-Istorja kollha taż-żona Ewro.
S’issa l-KE mexxiet iż-Żona Ewro billi turi l-karrotta u twissi “imma qatt ma’ użat l-istikka s’issa”, stqarr Scicluna ma’ Illum.
“Issa li qiegħda tiġi sfidata bl-għadd ta’ Stati Membri li qed jaqgħu lura mill-impenn tagħhom taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tal-UE, u b’xi uħud minnhom, bħall-Greċja, f’diffikultajiet serji, il-Kummissjoni Ewropea qed taffronta dilemma kbira,” żied jgħid Scicluna.
“Għandha tibqa’ tuża l-istikka u tirriskja iktar problemi illum jew tagħti daqqa t’id u tirriskja iktar imġiba abbużiva fil-futur?” staqsa Scicluna.
Min-naħa tiegħu, Cassar-White fisser li l-Kummissjoni Ewropea ħadet “attitudni pragmatika” meta tikkunsidra jekk pajjiż partikolari kienx għamel biżżejjed biex jirranġa n-nuqqasijiet fil-finanzi pubbliċi.
“F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li fid-dawl tal-qagħda diffiċli ħafna fl-ekonomija dinjija, il-Gvern Malti aġixxa tajjeb biżżejjed biex jindirizza n-nuqqasijiet li għad fadal fil-finanzi pubbliċi ta’ Malta,” saħaq Cassar-White.
L-ekonomista Karm Farrugia fisser kif globalment matul l-2009 kien hemm titjib fil-qagħda ekonomika ta’ Malta.
Madankollu hu lmenta kif dan it-titjib kien “inqas minn dak li kien antiċipat mill-Kummissjoni nnifisha u, iktar agħar minn hekk, inqas minn dak li kien imbassar fid-diskors tal-Baġit għall-2009, li kważi kulħadd, mhux l-inqas jien stess, kont iddeskrivejt bħala ottimista żżejjed”.
“B’xorti tajba jidher li din il-politika ma reġgħetx ġiet addottata fil-Baġit ta’ din is-sena,” saħaq l-ekonomista.
Min-naħa tiegħu, Consiglo fisser li fid-dawl tal-qagħda ekonomika internazzjonali huwa seta’ jifhem id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
It-tħassib tiegħi hu biss jekk fid-dawl ta’ ċerti sinjali preokkupanti fl-ekonomija – il-qgħad, il-kotba
bl-ordnijiet u x-xejriet
fl-infiq tal-popolazzjoni, fost affarijiet oħra – fiż-żmien meta jmiss mill-ġdid ir-reviżjoni tal-Kummissjoni, is-sitwazzjoni operattiva tkunx tjiebet biżżejjed b’tali mod li timbotta lill-Kummissjoni biex tikkritikana għal darb’oħra,” wissa l-ekonomista.

Biex taqra l-kummenti
sħaħ tal-ekonomisti ixtri l-ħarġa li jmiss tal-gazzetta Business Today, li toħroġ kull nhar ta’ Erbgħa bħala suppliment tal-edizzjoni tal-Erbgħa tal-gazzetta MaltaToday

 

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan