Feature | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Sharm el Sheik hi l-belt li tat il-fama lis-sbuħija tal-Baħar l-Aħmar. FRANICA PULIS tirrakkonta l-esperjenza tagħha
Il-‘bajja tax-sheikh (mexxej)’ hi t-tifsira ta’ waħda mill-iktar bliet magħrufin mal-bugħaddasa madwar id-dinja. Sharm el Sheikh issa tinsab eqreb lejn Malta grazzi għall-Egyptair li reġgħu bdew joperaw linji diretti bejn Malta u l-Kajr fl-Eġittu. Mis-sena li għaddiet il-Kajr żanżan ukoll ajruport ġdid li permezz tiegħu qed iqassam aħjar ir-rotot tal-ajruplani.
Biex tmur Sharm el Sheikh trid taqbad ajruplan ieħor ta’ siegħa. Li forsi ftit jafu nies fuq kull ajruplan tal-Egyptair ikun hemm żewġ marixxalli tal-ajru (għassiesa) li jitħalltu mal-air hostesses u jkunu dejjem għassa għalli jista’ jinqala’.
Bħala vaganza idealment taqsamha xi jiem il-Kajr u xi jiem Sharm el Sheik biex tuża għall-aħjar il-vjaġġ li jinqasam fuq żewġ titjiriet. Dak li jkun faċilment jaħseb li jħalli l-Kajr għall-aħħar peress li l-aħħar ajruplan jitlaq minn hemm. Iżda jekk tippreferi tistrieħ l-aħħar ftit jiem qabel tinżel Malta aħjar tibda mill-Kajr minħabba l-ħajja aktar mgħaġġla tiegħu.
Meta l-aħjar tmur
Hu ideali tmur minn Settembru ’l quddiem biex forsi tiffranka ftit tas-sħana. Is-sajf tagħhom kapaċi jkun qalil daqs tagħna u ġieli anki iktar. F’Settembru wkoll tkun għadha s-sħana imma b’xi mod jew ieħor tistaportiha, minbarra li filgħaxija jkun hemm żiffa li ġġiegħlek tilbes flokk ħafif b’komma twila.
Għal min ma jiflaħx għas-sħana m’għandux jersaq ’l hemm qabel Novembru. Għalkemm xorta ġieli tagħmel ftit tas-sħana, fil-biċċa l-kbira trid tilbes ħwejjeġ mezzutemp peress li f’postijiet dellija tħoss il-bard. Għal filgħaxijiet ta’ min tieħu xi ġakketta ħafifa.
Belt kosmopolitana
L-ibliet li jżuruhom it-turisti, fortunatament u sfortunatament, iddakkru ferm mid-drawwiet kummerċjali globali. Għal żmien il-Milied, li hu l-istaġun għoli tagħhom, fil-lukandi tara tiżjin tal-Milied Ewropew bħaċ-ċriev u Father Christmas. Huma drawwiet kummerċjali li jidhru strambi meta tqis li l-belt hi mdawra bid-deżert u bi klima sajfija u ħafna jħarsu lejn il-pajjiż bħala wieħed Għarbi.
Minbarra dan issib ħafna mill-ħaddiema li jitkellmu jew tal-inqas jikkomunikaw bl-Ingliż jew bit-Taljan inkluż is-sewwieqa tat-taxi. Bħala Maltin għandna vantaġġ li ma’ wħud tikkomunika bil-Malti wkoll.
Bħala ħwejjeġ in-nisa jistgħu jħossuhom komdi li jilbsu li jridu għax huma aċċettati anki flokkijiet taċ-ċingi u dbielet. Naturalment f’postijiet sagri bħal moskei wieħed irid joqgħod attent x’jilbes u n-nisa f’dan il-każ iridu jilbsu velu wkoll.
X’tista’ tagħmel
IL-BAĦAR
Kif ħafna jafu Sharm el Sheik hu magħruf għall-baħar tiegħu. Il-post hu tal-meravilji minħabba li hu illegali li tistad jew li ttella’ kull tip ta’ ħut jew frott tal-baħar. Għalhekk il-post hu daqshekk magħruf mal-bugħaddasa għax joffri ġenna ta’ ħut u koralli differenti.
Il-qiegħ tal-baħar wieħed jista’ jarah b’maskra tal-baħar (goggles) jew inkella jirkeb dgħajsa li jkollha l-qiegħ tal-ħġieġ u jqatta’ nofs ta’ nhar fuqha. Hi ideali għal min ma jafx jgħum, jogħdos jew għandu t-tfal.
Għal min jixtieq jitla’ biex speċifikament jogħdos, jista’ jibbukkja xi jiem li jqattagħhom fuq dgħajsa ma’ bugħaddasa oħra. Din teħodhom minn sit tal-għadis għall-ieħor bil-vantaġġ li min irid jitla’ waħdu jista’ wkoll għax l-għadis isir fi grupp. Naturalment fil-post wieħed se jsib jikri l-apparat kollu meħtieġ biex jinżel taħt l-ilma kif ukoll għalliema għal min jixtieq jibda jitgħallem dan l-isport.
IL-BAJJIET
Il-kosta ta’ Sharm el Sheikh hi waħda mill-ikbar, tant li tippermetti li l-lukandi kollha li telgħin ikollhom biċċa bajja privata għalihom. Għalhekk dejjem se ssib bajja tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod minn fejn tkun qed toqgħod.
Dan l-aħħar iż-żona ngħatat permessi għal aktar lukandi. Jekk tmur f’dawn iż-żminijiet tara ħafna bini tiela’. Sa ftit ilu kien hemm ukoll Tiran Island Hotel, li nfetħet għall-pubbliku mis-sajf li għadda, u hi mmexxija mill-Corinthia Hotels International.
L-aktar bajja magħrufa hi Naama Bay. Tinduna li wasalt fl-inħawi minħabba li hi l-aktar parti ffullata bil-bini u ħajja mill-bqija tal-kosta. Il-bqija tal-kosta ħafna minnha għadha qed tinbena u l-lukandi huma pjuttost mifruxin.
Iżda Naama Bay le. Hi ċ-ċentru tad-divertiment għal bil-lejl. Il-postijiet ta’ divertiment huma taħlita ta’ bars u diskoteki li donnhom xorbu mill-kosmopolitaniżmu iżda xorta jixtiequ jżommu l-identità tagħhom.
Ħafna minnhom huma fil-miftuħ u l-art hi miksija bit-twapet biex in-nies ipoġġu fuqhom jixorbu jew ipejpu x-shisha. Dawn huma l-postijiet bil-mużika ma taqta’ qatt li jiffrekwentawhom ukoll familji bit-tfal li ma jitilqux minn hemm qabel is-sigħat bikrija ta’ filgħodu.
Fil-post issib ukoll ristoranti ta’ kull tip, b’ħafna minnhom jispeċjalizzaw fil-ħut, b’ħafna ħwienet li wkoll jagħlqu ma’ sbieħ il-jum.
QUADBIKING
F’Sharm el Sheik ukoll hemm quadbiking jew sports ieħor avventuruż tal-baħar x’tista’ tipprattika. Quadbiking fid-deżert hu esperjenza speċjalment fi nżul ix-xemx. Importanti mmens li tmur bi ħwejjeġ li mhux se terġa’ tilbes għax timtela bit-trab minn fuq s’isfel. Aktar minn hekk hu li tieħu xalla u nuċċali kbir biex tilqa’ lil għajnejk mit-trab. Jekk tmur fi nżul ix-xemx aħsiblu għal ġakketta għax taqa’ s-sirda.
IL-MUNTANJA SINAJ
Għalkemm hu vjaġġ twil biex tasal minn Sharm el Sheikh il-vjaġġ innifsu hu esperjenza tajba, iktar u iktar jekk tikri gwida li tispjegalek l-istorja tal-post u tgħidlek x’l-aħjar li tagħmel. Hawn min jagħżel li jqatta’ lejl f’Sinaj stess iżda f’jum il-vjaġġ tagħmlu.
Matul it-triq tibda tilmaħ kampijiet tal-bedwini. Normalment is-sewwieqa jwaqqfuk ħdejn xi wieħed minnhom biex forsi tixtri xi ħaġa. Fil-biċċa l-kbira huma t-tfal li jittallbu jew jiġu warajk biex jixtru. Ħafna minnhom ikunu ħafjin u bi ftit ħwejjeġ fuqhom.
Tista’ tagħżel li tinjorahom billi tgħidilhom ‘A salam’ (grazzi) inkella tieħu xi ikel miegħek u tqassmu. Huma tfal li jifirħu mix-xejn speċjalment jekk tqassmilhom pakkett ħelu bejniethom.
Il-qofol tal-vjaġġ jintlaħaq bil-Monasteru Ortodoss ta’ Sta Katerina. Biex tasal għalih għandek mixja qasira. Vetturi ma jidħlux jekk mhux tan-nies li jaqilgħu ħobżhom minn hemm. Il-post inbena fejn jaħsbu li qabdet is-siġra ta’ Mosè u jemmnu li għadha ħajja s’issa. Ċerti viżitaturi tant jemmnu li hi sagra, li s-siġra tispiċċa ‘mmassakrata’ kull darba li l-għassies idawwar wiċċu għax kulħadd jipprova jaqta’ minnha biex iżżommha bħala tifkira jew biex forsi tfejqu.
Il-Monasteru nbena mill-Imperatur Ġustinjanu biex iħares lill-patrijiet tal-inħawi kif ukoll biex jonora l-post tas-siġra taqbad. Il-patrijiet għadhom hemm sal-lum u jekk tkun fortunat tinzerta xi wieħed minnhom idur fil-post.
Xi 500 sena wara nstabu l-fdalijiet ta’ Sta Katerina fil-muntanji u b’hekk il-monasteru ngħata isimha u r-relikwi tagħha jinsabu fil-Bażilika ta’ ġo fih.
Fil-post hemm ukoll mużew żgħir li fih jiġbor xogħlijiet tal-arti marbutin mal-qaddisa li jinkludi ikoni Biżantini jew fuq stil Biżantin, skulturi u vestwarju reliġjuż. Ħdejn il-ġnien tal-monasteru hemm ukoll iċ-ċimiterju u l-kappella fejn jinżamm l-għadam tal-patrijiet.
Id-drawwa tagħhom hi li meta jmut patri jidfnuh. Meta ġismu jitmermer, jikxfu l-qabar u jieħdu l-għadam. B’dan il-mod iħallu spazju għal min jindifen wara kif ukoll hu mezz kif il-patrijiet huma mfakkra fil-mewt.
Kif tlesti miż-żjara ġewwa l-monasteru, barra jkun hemm l-iġmla bil-bedwini jistennew, biex ittellgħuk parti żgħira mill-muntanja. Il-ħlas kulma hu €10 u jiffrankalek mixja diffiċli. F’dan il-vjaġġ ta’ madwar siegħa tkun tista’ tara kif jgħixu l-bedwini ta’ ħdejn is-Sinaj. Uħud minnhom irnexxilhom jibnu ħajt tas-sejjieħ ma’ blata bbuzzata ’l barra.
L-aktar ħaġa li tispikka hi li ma tarax mara waħda qalb l-irġiel u s-subien kollha li tara f’dawn il-kampijiet. Il-probabbiltà hi li n-nisa tagħhom ikunu fid-djar fir-raħal li hemm ftit ’il barra mill-Monasteru.
Kemm tiġik biex tmur
Il-bejjiegħa u s-sewwieqa tat-taxi jaċċettaw il-flus tagħhom, il-Liri Eġizzjani (EGP), id-Dollari Amerikani u anke l-ewro. Uħud minnhom jippreferu l-ewro meta tkun iktar b’saħħitha.
L-istil ta’ ħajja tagħhom hu ħafna orħos minn tagħna speċjalment fil-Kajr. F’Sharm el Sheik hi ħarira ogħla minħabba li hu post aktar turistiku.
Fis-suq Malti hawn diversi operaturi li joffru pakketti
differenti għall-Eġittu u għal Sharm el Sheikh.
Tal-Eġittu jibdew minn €503 għal persuna waħda u jinkludu:
Titjiriet minn Malta għall-Kajr u lura bl-Egyptair, taxxi inklużi.
Transfers mill-ajruport għal-lukanda u lura.
Tlett iljieli f’lukanda ta’ 4 stilel fuq bażi bed & breakfast.
Tour ta’ ġurnata għall-piramidi u l-Mużew tal-Eġittu.
Ta’ Sharm el Sheikh minn €1,120 għal tnejn min-nies li jaqsmu kamra bejniethom. Dawn jinkludu:
Titjiriet minn Malta – Kajr – Sharm el Sheikh u lura bl-Eygptair, taxxi inklużi.
Transfers mill-ajruport għal-lukanda u lura.
Erbat iljieli fil-lukanda ta’ 4 stilel, Tiran Island Hotel, kollox inkluż.