Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Il-Parlament Ewropew jinsab pass ’il bogħod milli japprova ż-żieda fl-allokazzjoni għall-impjegati tal-Membri Parlamentari Ewropej (MPEs) bl-iskuża li hemm ħafna ħafna iktar xogħol taħt it-Trattat ta’ Lisbona.
Il-Kumitat tal-PE responsabbli mill-baġits nhar l-Erbgħa li għadda ivvota biex iżid l-allokazzjoni ta’ kull xahar għall-assistenti tal-MPEs b’€1,500 fix-xahar.
Il-Kumitat ivvota wkoll biex jiġu impjegati madwar 150 ħaddiem ieħor biex ikun jista’ jlaħħaq max-xogħol żejjed maħluq bit-Trattat ta’ Lisbona.
Issa jmiss biss vot fis-Sessjoni Plenarja tal-PE tal-10 ta’ Frar biex dawn iż-żidiet ikunu approvati għal kollox.
Il-parti l-kbira tal-MPEs membri tal-Kumitat ivvutaw biex jappoġġaw il-proposta li saret bi spiża addizzjonali ta’ €13.3 miljun fis-sena.
Din iż-żieda tfisser li l-PE se jaqbeż il-limitu ta’ 20 fil-mija tal-ispiża amminstrattiva totali tal-UE fl-2010, bis-sehem tiegħu jikber għal 20.2 fil-mija anki jekk sar iffrankar f’istituzzjonijet oħra tal-UE. Din is-sena, il-baġit tal-PE se jkun ta’ €1.6 biljun. L-MEPs mill-ikbar gruppi politiċi fil-PE argumentaw li l-fondi żejda huma meħtieġa wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, “speċjalment il-ħtieġa li jimpjegaw impjegati esperti sabiex jagħtu parir fuq aspetti tekniċi”.
Is-Segretarju-Ġenerali tal-PE Klaus Welle iddefenda ż-żieda.
“B’Lisbona l-Parlament se jkollu jistaqsi fejn se jikkonċentra r-riżorsi tiegħu,” wissa Welle. “Irridu nużaw il-poteri ta’ skrutinju u kontroll, imma m’aħniex armati tajjeb biżżejjed kemm huma meħtieġ,” stqarr is-Segretarju Ġenerali tal-PE.
Iż-żieda ta’ €1,500 fl-allokazzjoni għall-assistenti kienet opposta fil-Kumitat mill-MPEs tal-gruppi tax-Xellug Magħqud, il-Konservattivi Ewropej u l-Ewropa għall-Liberta’ u d-Demokrazija.
Miguel Portas, MPE Portuguż mix-Xellug Magħqud, sejjaħ din iż-żieda fl-allokazzjoni tal-assistenti tal-MPEs bħala “assurda”, iżda aktar tard irrikonoxxa li l-MPEs “għandhom bżonn aktar staff”.
Lajos Bokros, MPE Ungeriż mill-Konservattivi Ewropej, saħaq li huma ma setgħux jiddefendu li l-allokazzjoni tiżdied b’€1,500 fix-xahar “f’dan l-istadju”.
Sors fil-PE ġie kkowtat jgħid li l-MPEs riedu li l-qbil dwar l-iż-żieda għall-impegati maqbula biex huma jkunu jistgħu jimpjegaw sa minn kmieni f’Mejju 2010. Iżda privatament xi MPEs wissew li jekk jinlaħaq qbil issa dwar iż-żieda jista’ jpoġġi lill-PE f’“sitwazzjoni diffiċli” fin-negozjati mal-Kunsill tal-Ministri dwar bidliet fil-Baġit biex jkunu jistgħu jaffrontaw l-effetti tat-Trattat ta’ Lisbona.
Huma lmentaw li l-Kunsill tal-Ministri kien diġà żied il-baġit amministrattiv għal din is-sena biex iħallas għall-President tal-Kunsill Ewropew u l-impjegati tiegħu.