Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt
Jidher li fost l-isforzi li qed isiru biex jiżdiedu l-abbonati tar-redtouch fone, is-servizz tat-telefonija ċellulari virtwali mniedi mill-Partit Laburista f’Novembru 2008, kien hemm li l-impjegati ta’ One Productions Limited infushom intalbu biex jissieħbu abbonati fis-servizz tal-mobajl tal-PL.
Iżda sorsi qrib l-istazzjon Laburista fissru kif din il-proposta ntlaqgħet b’reżistenza minn xi ħaddiema ta’ One Productions Limited, li ma ridux jissieħbu mar-redtouch fone.
L-iskuża li qed tingħata lill-ħaddiema ta’ One Productions Limited biex jaqilbu ma’ redtouch Fone kienet li din il-kumpanija “qiegħda tagħmel tajjeb għall-operat tal-istazzjon”.
Fil-fatt, ftit tal-ġimgħat ilu, saru sensiela ta’ taħditiet minn Michael Vella Haber, id-Direttur Maniġerjali ta’ One Productions Limited, ma’ dawk il-ħaddiema li sa dakinhar kienu għadhom ma qalbux ma’ redtouch fone.
Illum ippruvat tagħmel kuntatt ma’ Vella Haber il-bieraħ wara nofsinhar permezz tat-telefon u bl-SMSs biex tieħu l-verżjoni tiegħu ta’ din l-istorja, imma sakemm morna għall-Istampa tard il-bieraħ filgħaxija, ma rnexxilniex nagħmlu kuntatt miegħu.
One Productions Limited qiegħda tagħmel sforz biex tirdoppja l-għadd ta’ abbonati minn 7,000 għal 14,000 matul it-tieni sena tal-operat ta’ redtouch fone hekk kif il-Partit Nazzjonalista f’Novembru li għadda nieda s-servizz tat-telefonija mobbli tiegħu taħt l-isem kummerċjali Ping, kif inħabbar minn Illum u MaltaToday fit-22 ta’ Novembru.
B’hekk l-għadd ta’ operaturi tat-telefonija mobbli f’Malta żdied għal sitta.