MediaToday

Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Malta fost l-10 pajjiżi biex tevita t-Tazza tad-Dinja

Julia Farrugia

Malta tissemma fost l-aktar 10 pajjiżi ideali biex wieħed jevita l-ġenn li ġġib magħha t-Tazza tad-Dinja tal-futbol.
Skont artiklu ppubblikat fis-sit elettroniku www.sunshine.co.uk Malta hi waħda minn dawn id-destinazzjonijiet perfetti għal dawk li l-futbol mhux biss ma jagħmilx bihom iżda kważi kważi jqabbadhom estru.
It-Tazza tad-Dinja li din is-sena se ssir fl-Afrika ta’ Isfel tibda fil-11 ta’ Ġunju li ġej u tintemm eżatt xahar wara. Skont is-sit elettroniku, “dawk li qed jippruvaw jevitaw l-futbol hemm 10 destinazzjonijiet ideali għall-btala. Dawn huma pajjiżi li ma kkwalifikawx għat-Tazza tad-Dinja.”
L-aqwa 10 pajjiżi huma kif ġej u f’din l-ordni: Bulgarija, Kroazja, Malta, Ċipru, Tuniżija, Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda, Jamaica, Aruba u Maldives.
Fuq Malta jingħad hekk: “Malta hi ffurmata minn grupp ta’ gżejjer fil-Mediterran fin-naħa ta’ isfel ta’ Sqallija ... il-gżejjer huma magħġuna fl-Istorja u l-wirt li jvarja minn tempji, palazzi u katidrali sa fortifikazzjonijiet. Malta kienet ix-xenarju perfett għal numru ta’ films blockbusters f’Hollywood fosthom Gladiator, Troy u Munich.”
Bla dubju reklam eċċellenti għal Malta fil-media internazzjonali. Iżda dawk li twieldu u trabbew f’Malta jafu kemm id-deni tal-futbol jaħkem sew waqt it-Tazza tad-Dinja u li tipprova tbigħ lil Malta bħala pajjiż li se jkollu togħma ta’ kollox ħlief ta’ futbol tista’ tkun xena ftit żgarrata.
Carcades u tpaqpiq fit-toroq Maltin huma xi ħaġa awtomatika waqt ix-xahar li jdum għaddej il-logħob tat-Tazza tad-Dinja.
Il-bnadar mal-faċċati tad-djar ma jonqsu u l-overdose fuq l-istazzjonijiet televiżivi tinħass ukoll.

 

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan